best deal

Saturday, 15 April 2017

Aktar minn miljun ruħ rawha twelled live


Kienet ilha sena u erba' xhur tqila, u dalgħodu welldet!


Wara xhur ta' stennija, April il-ġiraffa welldet. April hija ġiraffa li tgħix fl-Animal Adventure Park f'New York u dak li welldet dalgħodu ntlaqa' minn ferħ kbir mill-membri tal-park li assistew lil April f'dan it-twelid delikat u minn mijiet ta' eluf ta' nies oħra minn madwar id-dinja.

Il-park għamel live stream tat-twelid tal-ġiraffa u waqt li qed twelled kienu qed jarawha 1.2 miljun ruħ live fuq l-internet minn madwar id-dinja. Il-ġiraffa bdiet twelled għall-ħabta tas-7:30am u damet sa ftit qabel l-10am biex ħelset.

April kienet ilha tqila sena u erba' xhur u t-twelid tal-ferħ tagħha kien mistenni minn ħafna. Il-park tefa' filmat live tal-ġiraffa waqt li kienet tqila u eluf ta' nies bdew isegwuh. Tant kien hemm nies isegwuh, li l-park saħansitra ħoloq sistema ta' text alert, jiġifieri beda jibgħat il-messaġġi dwar l-andament tat-tqala tal-ġiraffa lil dawk li kienu verament iffissati fuqha!

Ferħ ta' ġiraffa mhuwiex żgħir daqskemm taħseb. Dan il-ferħ kien diġà twil daqs persuna umana meta twieled dalgħodu. U fi żmien siegħa, il-ferħ ta' April kien diġà fuq saqajh.

Il-ġiraffi ġew iddikjarati bħala speċi vulnerabbli f'Diċembru li għadda wara li l-popolazzjoni tagħhom fid-dinja naqset b'40% fl-aħħar 30 sena.

April damet twelled kważi tliet sigħat, imma fil-filmat ta' hawn taħt tista' tara l-ftit sekondi ta' xħin il-ferħ ħareġ minnha u waqa' għoli ta' sitt piedi għal rasu mal-art.


Ritratt: E! Online

No comments:

Post a Comment