best deal

Wednesday, 19 April 2017

Annabelle kieku llum tagħlaq 46 sena



Annabelle Vassallo, il-persuna li tibqa’ tissemma għall-fidi tagħha quddiem it-tbatija tal-marda li kienet qed tiġġieled, illum kieku għandha 46 sena.


Il-ġlieda ta’ Annabelle mal-marda li ħakmitha bdiet fl-2007, propju fil-bidu ta’ Jannar. Għal Annabelle l-marda ma kinitx kundanna imma kienet opportunità.

Ma’ Xarabank Annabelle kienet qalet li “l-marda saret sors fejn skoprejt lili nnifsi. Saret vjaġġ intern miegħi nnifsi fejn għaraft id-dgħufija u l-iżbalji tiegħi u apprezzajthom, imma għaraft it-tajjeb tiegħi u għożżejtu u rringrazzjat lil Alla ta’ ħajti kollha.”

Annabelle kienet marret l-Ingilterra u hemmhekk kienet ġiet wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Kien qaltilna li “sakemm ġew biex jittrasferixxuni mis-sala għall-I.T.U ġrat xi ħaġa fija li ma nistax nispjegaha, però naf li ġrat u  naf li ħassejt xi ħaġa ħierġa minni u spiċċajt bla saħħa.” Żiedet tgħid li “meta ħarġet din il-ħaġa minni, li ma nafx x’inhi, għedtilhom li diġà nħossni aħjar avolja li r-riżultati kienu kollha ħżiena u xejn ma kien qed jaħdem tajjeb.”

Disa’ xhur wara lil Annabelle kienu qalulha li t-tumur kien jidher mejjet. Kienet spjegat li “kont mimlija ferħ u ridt niġi Malta niċċelebra.” Kienet qalet ukoll li “konna għamilna quddies ta’ ringrazzjament. Dakinhar in-nies ġew jifirħu miegħi, il-fidi tan-nies iċċaqalqet u kellna festa s-Siġġiewi.” Kienet spjegat li “ħajti kienet reġgħet lura u erġajt bdejt ngħix ħajja normali u bdejt immur għax-xogħol ferħana.”

Però wara sitt xhur it-tumur kien reġa' tfaċċa. Kienet stqarret li “kelli din ir-rabja u bdejt ngħid lil Alla kif jista’ jkun wara li ċċelebrajna daqshekk, daru lejk permezz ta’ dan il-fejqan li ġibt fil-ħajja tiegħi? X’ħa ngħidulhom issa? Dan kien diżappunt kbir.”


Annabelle kienet reġgħet marret l-Ingilterra għal kura. Wara ħames xhur kienet reġgħet ġiet lura iżda s-sitwazzjoni ma kinitx sabiħa. Kienet stqarret li t-tobba kienu qalulha, “Annabelle ma fadal xejn x’nagħmlu iżjed.” 

Minkejja kollox Annabelle kienet tagħmel kuraġġ lil ta’ madwarha u dejjem riedet tgħin. Għal darb’oħra Annabelle kienet ġabret in-nies fil-knisja tas-Siġġiewi u minkejja li kienet taf li se tmut xorta kienet tirringrazzja lil Alla. Annabelle kienet qalet lin-nies li nġabru għall-quddies li “s-sena l-oħra kont laqqajtkom għax il-Mulej għamel miraklu miegħi u din id-darba l-Mulej qed jagħmel miraklu ieħor u rrid nirringrazzjah magħkom u għal ħajti għax jiena bil-mard jew mingħajr mard ħajti kienet sabiħa.”

Annabelle kienet stqarret li “meta kont żgħira kont noħlom, nitkellem u niftraħ bil-Ġenna u issa wasal il-mument li jiena sejra f’posti, sejra l-Ġenna fejn dan Ġesù, li jien tant ħabbejt matul ħajti, ħa jkun qed jistennieni biex jixxuttali kull demgħa minn għajnejja, biex iħobbni u biex jgħannaqni.” Kienet żiedet tgħid li “Ġesù ħa jintroduċini ma’ dan il-post fejn m’hemmx iktar chemo, m’hemmx iktar tbatija, u m’hemmx iktar qtugħ ta’ qalb. Dan huwa l-post divin u tal-Ġenna u jien għal hemmhekk.”

Fl-24 ta’ Jannar tal-2011, Annabelle għamlet il-vjaġġ li permezz tiegħu s-siparju tal-ħajja ngħalaq u nfetaħ għal dik ta’ dejjem. Annabelle tibqa’ tissemma’ għall-ktieb ‘Irrid Ngħix’ li naqqax fil-qarrej spirtu kuraġġuż imwassal minn persuna li baqgħet tnemnem fiha l-fidi tagħha. Dan il-ktieb kien kiser kull rekord tant li nbiegħu 270000 kopja.

Aħna tkellimna ma' Mary, omm Annabelle, u magħna tistqarr li "llum l-ħin kollu niftakru fiha u noqgħod ngħid li pereżempju bħal dan il-ħin twieldet." Tgħid li "n-nuqqas tagħha nħossuh ħafna għax konna noħorġu flimkien, niltaqgħu ma' sħabha u anke konna nagħmlu l-partys għaliex kienet tħobbhom dawn l-affarijiet, u issa m'għadna nagħmlu xejn u bilkemm noħorġu għaliex il-ħin kollu niftakru fiha." Iżżid tgħid li "f'jum l-omm u f'kull festa speċjalment fil-Ġimgħa l-Kbira nħossha ħafna għax f'dak il-jum niftakar li kienet batuta ħafna meta kienet l-Ingilterra."

Tispjega li "jiena nemmen ħafna fiha u meta pereżempju nkun muġugħa jew inkun ma niflaħx nitlobha ħafna. Inħossha l-ħin kollu miegħi u nitlob lill-Mulej bl-interċessjoni tagħha." Tgħid li "nħossha li tismagħni u twassalli l-messaġġ." Ittemm tgħid li "ħafna jiġu jgħiduli li bl-interċessjoni tagħha qalgħu xi grazzji u jgħiduli li hi qaddisa imma jien dejjem ngħidilhom li dik it-tifla tiegħi"

Tista' tara l-funeral ta' Annabelle hawn taħt:



No comments:

Post a Comment