best deal

Tuesday, 25 April 2017

BIL-FILMAT: Il-PL u l-PN jingħaqdu taħt statwa


Mill-Parlament jiddibattu kontra xulxin, il-Membru Parlamentari Laburista Silvio Schembri u l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Clyde Puli spiċċaw jingħaqdu flimkien biex jerfgħu l-istatwa ta' San Ġorg f'Ħal Qormi (ara l-filmat).


Fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta' San Ġorġ Martri, l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Marti A.D 1893 organizzat il-marċ popolari mat-toroq ewlenin, liema marċ kien akkumpanjat mill-istatwa tagħha.

Ma' Xarabank, Silvio Schembri jispjega li "din il-ġimgħa ċċelebrajna l-festa liturġika ta' San Ġorġ Martri ġewwa Ħal Qormi u wara li smajna l-quddiesa solenni ġewwa tal-kumitat u avviċinaw lili u lil Clyde." Iżid jgħid li "huma qalulna li aħna żewġ membri parlamentari li nagħtu ħafna kontribut f'Ħal Qormi u b'hekk xtaqtu li aħna ngħaddu messaġġ ta' għaqda flimkien billi nerfgħu l-istatwa ta' San Ġorġ."

Jgħid li "f'mumenti bħal dawn huwa importanti speċjalment bħalissa fis-sistema u fil-ħajja politika li qegħdin fiha, li nwasslu iktar messaġġ ta' għaqda u ta' mħabba. Naħseb jiena hawn wisq mibiegħda f'dan il-pajjiż u naħseb li hemm bżonn iktar imħabba lil hinn mill-kwistjoni jekk iżżommx ma' għaqda jew oħra jew partit jew ieħor. Fil-fatt fl-istess quddiesa kien hemm anke membri tal-kleru li jappartjenu mal-parroċċa ta' San Bastjan u allura dan huwa messaġġ li beda mis-sena l-oħra li jkun hemm ċelebrazzjoni bejn iż-żewġ għaqdiet u huwa importanti li nibqgħu nwassluh anke għal snin li ġejjin." Jistqarr li "f'mumenti bħal dawn anke aħna l-politiċi għandna rwol importanti ħafna x'inwasslu fejn tidħol għaqda."

Silvio jispjega x'ħass dak il-ħin li kien qed jerfa' l-istatwa ma' Clyde u jgħid "li jiena bniedem li nħobb niddibatti ħafna, però hemm linja li dejjem inżommha ċara; il-linja tad-diċenza u l-linja ta' livell personali, u allura ma kinitx problema li mal-avversarju politiku tiegħi nerfa' u nuri dan il-messaġġ ta' għaqda ma' kollega tiegħi."

B'daħka Silvio jgħid ukoll li "Clyde ma nafx x'se jagħmel imma jiena min-naħa tiegħi ma naħsibx li se jkolli xi futur twil ħafna bħala reffiegħ, minkejja li l-istatwa li erfajna kienet 10 darbiet eħfef mill-istatwa l-kbira."

Xarabank tkellem ukoll ma' Clyde Puli u jispjega li "kienet il-festa ta' San Ġorġ ta' 23 t'April li ġiet iċċelebrata lbieraħ minħabba li l-Ħadd kienu għadhom għaddejjin il-festi tal-Għid." Jispjega li "din kienet sorpriża kbira għaliex din jiena ma stennejthiex u ma kontx preparata għaliha," Jistqarr li "wara li ħriġna mill-quddies, kont qed nitkellem man-nies u ġew fuqna u qalulna li xtaqtuna nerfgħu biċċa biex inkunu nafu x'piż ikunu qed iġorru huma." Iżid jgħid li "ovvjament kienet titlob ħafna kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-kamra biex iġġorr dan il-piż avolja mhijiex l-itqal vara li hemm f'Ħal Qormi." Jistqarr li "kienet esperjenza sabiħa u kien hemm ċelebrazzjoni ta' komunità li aħna nagħmlu parti minnha u li nirrappreżentawha, u allura kien hemm dan is-sens ta' ferħ li stajna ningħaqdu miegħu wkoll."

Tista' tara l-filmat hawn taħt;



No comments:

Post a Comment