best deal

Thursday, 13 April 2017

F'dil-wirja llejla se taħsbek li vera qiegħed mal-appostli waqt l-Aħħar Ċena


Jekk trid tgħix il-mumenti tal-passjoni ta' Kristu daqslikieku kont preżenti hemmhekk, nissuġġerilek li żżur il-wirja Mejda tal-Appostli skont ir-Rit Lhudi mtella' mill-għaqda Talent Żebbuġi, f'Ħaż-Żebbuġ stess.

F'din il-wirja se jkun hemm mejda tal-Appostli bi statwi life size ta' Ġesù u t-tnax-il Appostlu. L-istatwi huma tal-karta pesta imma huma maħdumin b'mod reali għall-aħħar, imlibbsin ħwejjeġ ta' vera, u saħansitra għandhom xagħar ta' vera.


Ma' Xarabank, id-Direttur tat-Talent Żebbuġi James Brincat jispjega dwar din l-għaqda mhux governattiva u jgħid li "ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar 32 sena u l-għan kien dejjem wieħed filantropiku u teatrali." Jispjega li "l-membri ta' din l-għaqda jaħdmu fuq bażi volontarja u niltaqgħu matul is-sena kollha b'iktar intensità f'dan iż-żmien minħabba l-wirja li qed intellgħu bħalissa."

James jgħid li "din hija d-29 edizzjoni ta' din il-wirja u bdiet biex jinġabru l-flus għall-għaqda iżda wara ftit tas-snin l-għan inbidel u sar wieħed iktar filantropiku." Iżid jgħid li "din il-wirja tinvolvi ħafna ħidma u nibdew narmaw mill-bidu tal-ewwel tas-sena iżda dan jiddependi minn se taħbat il-Ġimgħa l-Kbira." Id-Direttur jitkellem dwar il-post fejn qed tittella' din il-wirja u jispjega li "għandna problema għaliex il-propretarji tal-post jixtiequ jgħollu l-kera u lilhom ma nagħtihomx tort imma aħna ma nasalux s'hemmhekk għaliex minkejja li niġbru xi flus xorta mhuwiex biżżejjed biex nilħqu dan it-tir."


Xarabank ukoll tkellem ma' Jesmond Bonello, l-artist tal-istatwi u jispjega kif bdiet il-ħidma tiegħu fuqhom. Jgħid li "dak iż-żmien kien hemm direttur ieħor u qal min jaf li kieku nagħmlu l-istatwi mdawrin mal-mejda. Kienet sfida kbira dak iż-żmien għax kienu għadhom ma bdewx jittellgħu wirjiet bħal dawn." Iżid jgħid li kont tlabt "l-għajnuna tal-artist Alfred Camilleri Cauchi biex isiru 12-il appostlu flimkien ma' Kristu u kull darba bdiet tiżdied statwa ġdida li timxi mar-rit Lhudi."

Jesmond jitkellem dwar il-ħidma tal-istatwi nfushom u jispjega li "din tinvolvi l-immaġinazzjoni li tintrabat mar-ritwal Lhudi, skeċċ u abbozz, l-immudellar bit-tafal u ġol-forma jsir il-materjal tal-kartapesta."

Tista' tara l-wirja llejla sa nofsillejl u għada, il-Ġimgħa l-Kbira, mid-9:00am sa 12:00pm, u mis-6:30pm sad-9:00pm. Mid-donazzjonijiet miġbura, din is-sena Talent Żebbugi se jgħin lill-ALS Malta u lill-Majjistral Action Group. Din il-wirja qed tittella' fi Triq Campis, f'Ħaż-Żebbuġ.

Filmat u muntaġġ: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment