best deal

Monday, 24 April 2017

Iffranka u aqbad it-triq u siefer!


Tħobb issiefer iżda m'għandekx iċ-ċans u l-ħin li tagħmel dan iktar ta' spiss? Tinkwetax, tliet żgħażagħ Maltin għandhom is-soluzzjoni għalik.


Sarah Farrugia, Shaun Azzopardi u Jean Claude Aber huma studenti Universitarji mis-setturi tal-Intrapriża u tal-Informazzjoni Teknoloġika li flimkien ħolqu website ideali għal dawk li jħobbu s-safar.

Ma' Xarabank Sarah tispjega li "t-tlieta li aħna nħobbu s-safar u t-tlieta li aħna għadna studenti, u b'hekk rajna l-bżonn li noħolqu xi ħaġa li biha wieħed jista' jivvjaġġa bi prezz baxx, jiffranka il-ħin u jużaha faċliment."

Tgħid li "f'Save and Wave wieħed jista' jsib l-aħjar offerti minn u lejn Malta, u apparti minn hekk tagħtik gwida ddettaljata għas-safra tiegħek għaliex fiha tinkudi titjiriet, akkomodazzjonijiet, promozzjonijiet u skontijiet."



Tispjega  li "din il-website hija unika għaliex minbarra li hija b'xejn, fiha ssib l-aħjar offerti għal ġranet ta' festi. B'hekk, b'titjiriet irħas u raġonevoli, u bl-aħjar akkomodazzjoni, fi ftit ħin tista' taqbad u tibbukkja. Għalhekk Save and Wave għaliex tista' tiffranka u b'hekk tista' taqbad it-triq u titlaq." Iżżid tgħid li "barra minn hekk hija website li tista' tafdaha għaliex meta ssib offerta, tieħdok direttament għall-websites tal-linja tal-ajru u tal-akkomodazzjoni."

Ilbieraħ Save and Wave tnediet b'mod uffiċjali u t-tlieta li huma qed jispiraw li jevolvuha. Fil-fatt Sarah tistqarr li " 'l quddiem għandna ħsieb li nkompluha u nkabbruha b'iktar funzjonijiet ħalli tagħmel l-esperjenza tal-ivvjaġġar iktar kompluta u fl-istess ħin irħisha u iktar effiċjenti."

Għal iktar informazzjoni fuq Save and Wave agħfas hawnhekk.

Ritratt tal-faċċata: transom.org

1 comment: