Wednesday, 12 April 2017
L-attur popolari Ronnie Galea wkoll ġie bżonn ta' Puttinu
L-attur popolari Malti Ronnie Galea wkoll ġie bżonn tal-flats ta' Puttinu ftit xhur ilu, wara li kellu jitla' l-Ingilterra biex jagħmel operazzjoni biex jelimina kanċer fil-prostata li kien qed jikbirlu bil-mod.
Ronnie huwa magħruf l-aktar għas-sehem tiegħu fis-serje Ipokriti, u aktar riċenti, għall-parti tas-Sur Tonna f'Simpatiċi, il-parti tas-Sur Nin f'Baħar Wieħed, u l-parti ta' Mr Miller fi Ħbieb u Għedewwa.
Ronnie jirrakkonta kif kien ilu għal dawn l-aħħar 14-il sena jagħmel it-testijiet mediċi kull sena, u maż-żmien, it-tobba nnutaw li żviluppalu kanċer fil-prostata. Sakemm ftit aktar minn sena ilu, tawh il-parir li jieħu azzjoni dwaru, għaliex kien se jkollu konsegwenzi serji.
"Il-kanċer li sabuli ma kienx agressiv u kien qed jikber bil-mod. Però ridt nara x'nagħmel biex niġġilidlu, għax inkella kien se jkompli jikber u jkollu konsegwenzi koroh," qalilna Ronnie.
Għalhekk, f'Ottubru li għadda, Ronnie kellu jmur l-Ingilterra biex jagħmel operazzjoni. Jirrakkonta kif qatt ma basar li se jkollu bżonn il-flats ta' Puttinu u jiftakar dik il-ġurnata li mar għand Angele ta' Puttinu u qalilha bis-sitwazzjoni li kien sab ruħu fiha.
"Fi żmien siegħa minn x'ħin għidtilha, kelli ċ-ċwievet tal-appartament ta' Londra f'idi," jgħid bit-tbissima Ronnie. "U la kelli għalfejn nistenna, jew nimla' karti, xejn. Qaluli biex nieħu ċ-ċavetta u ndum Londra kemm hemm bżonn."
Bis-saħħa tal-kura u bis-saħħa ta' Puttinu, Ronnie tela' Londra u għamel l-operazzjoni u llum fieq mill-kanċer u qed jgħix ħajja normali.
Ronnie dam Londra xahar biss, imma hemm nies li qed jitilgħu Londra u jkollhom bżonn joqogħdu hemm għal xhur sħaħ, u biċċa minnhom, jagħmlu anke aktar minn sena hemm. U kieku ma jkunx Puttinu, dawn in-nies żgur li ma jaffordjawx li jmorru għall-kura hemm.
Nhar il-Ġimgħa, fil-Ġimgħa l-Kbira, f'Xarabank se niġbru għal Puttinu. Jekk jogħġbok, nhar il-Ġimgħa ftakar f'Puttinu.
(Ritratt: Ronnie fil-parti tas-Sur Tonna, f'Simpatiċi. Ritratt meħud minn RGV Photography.)
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment