"Kieku tgħidli li għandi qalbi tajba, ngħidlek iva għax għandi qalbi tajba u nħobb ngħin ħafna nies, imma qalbi mhux qed taħdem tajjeb."
Dan huwa l-kliem ta' Nigel, li ta' 11-il sena jbati minn problemi serji f'qalbu. Ma' Xarabank jispjega li darba "kien hemm ġurnata u ħassejt ħafna uġigħ f'qalbi u qalbi bdiet tgħaġġel ħafna." Iżid jgħid li wara "ommi ħaditni l-isptar u saru jafu li l-ventriklu tax-xellug ta' qalbi ntefaħ." Jispjega li "qalbi mhux qed taħdem tajjeb u issa ħa mmur Londra u hemmhekk se jagħmluli operazzjoni."
Nigel se jmur Londra jistenna li jkun hemm xi ħadd li jmut bi traġedja u b'hekk hu jkun jista' jieħu l-qalb tiegħu. Dan huwa proċess li jdum bejn sena u tliet snin.
Nigel se jmur Londra jistenna li jkun hemm xi ħadd li jmut bi traġedja u b'hekk hu jkun jista' jieħu l-qalb tiegħu. Dan huwa proċess li jdum bejn sena u tliet snin.
Jgħid: "Ommi ħa tipprova ssib xogħol bħala infermiera biex inkunu nistgħu nfaddlu ħalli ngħixu, nixtru l-affarijiet, l-ikel u hekk." Jispjega li "se ndum l-Ingilterra għaliex l-ewwel iridu jsibu qalb u jrid imut xi ħadd bi traġedja. Imbagħad għandi sitt xhur biex nirkupra u l-qalb l-ġdida trid tidra l-ġismi."
Bħalissa, Nigel jgħix b'pacemaker u l-operazzjoni tat-trapjant tal-qalb iddum madwar tmien sigħat. Meta Peppi staqsih kif jaħseb li ħa jħossu b'qalb ta' xi ħaddieħor, jgħid: "ma nafx għax qatt ma esperjenzatha u din l-ewwel darba."
Nigel jistqarr li "qalbi ġieli tuġgħani ħafna u mbagħad hemmhekk nibki u ngħid għala qed tuġgħani? Imma mbagħad niġġildilha u ngħid li mhux ħa jiġrili xejn għax hemm Ġesù jieħu ħsiebi."
Dwar jekk hux imbeżża', Nigel jistqarr li "le mhux qed nibża' għaliex ħafna nies qed jitolbu għalija. Għandi l-iskola kollha titlob għalija u kulħadd qisu qed jitlob għalija." Jgħid li "jiena abbati wkoll, u nitolbu biex ifejjaqni ħalli nkun nista' nerġa' nilgħab il-futbol." Jispjega li "kieku nerġa' nibda nilgħab il-futbol, inħoss ferħ kbir ġo qalbi u nibda nibki bil-ferħ għaliex li nerġa' nilgħab il-futbol hi ħaġa kbira għalija." Iżid jgħid li "bħalissa ma nistax nilgħab ħafna għaliex inkella noqgħod ngħejja u jista' jiġrili xi ħaġa jekk noqgħod nilgħab ħafna."
Itemm billi jgħid "grazzi talli qed tgħinu lili u lil tfal oħra bħali."
Għal Nigel u tfal oħra hemm Puttinu u għal Puttinu hemm inti. Nhar il-Ġimgħa li ġej, fil-Ġimgħa l-Kbira, f'Xarabank se ngħinu lil Puttinu.
No comments:
Post a Comment