best deal

Saturday, 22 April 2017

X'ġara bejn wieħed u ieħor fid-dibattitu tal-bieraħ


Ilbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iltaqgħu f'dibattitu f'Xarabank wara li l-Ħamis filgħaxija, il-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia ħarġet allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant Inc. hija tal-mara tal-Prim Ministru.


Waqt id-dibattitu, Dr Joseph Muscat sostna li din l-allegazzjoni hija gidba u sfida diversi drabi lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iġib imqar prova waħda li turi li l-kumpanija Egrant hija verament tal-mara tiegħu.

Għal dan, Dr Simon Busuttil sostna li l-provi qegħdin fir-reazzjoni ta' Dr Muscat bħala Prim Ministru u fil-mod kif ġraw l-affarijiet. Dr Busuttil qal li l-fatt li l-Prim Ministru stenna li jgħaddi ħafna ħin qabel ma qabbad inkjesta maġisterjali, u l-fatt li ma ntbagħtux il-pulizija biex jissiġġillaw il-bank mal-ewwel, u l-fatt li l-Prim Ministru ħalla "żewġ impjegati joħorġu bil-bagalji mimlijin dokumenti" minn Pilatus Bank, huwa indikazzjoni ċara li l-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia huma ta' min joqgħod fuqhom.

Dr Simon Busuttil insista wkoll li l-provi mhux hu bħala Kap tal-Oppożizzjoni għandu jġibhom, imma għandhom jinġabru mill-istituzzjonijiet, fosthom il-Pulizija u l-awtoritajiet tas-servizzi finanzjarji, li skontu, "illum qed jaqdu lill-Prim Ministru minflok qed jaqdu lin-nies."

Ritratt: Dr Simon Busuttil
Il-Prim Ministru baqa' jsostni li kieku verament saru xi tranżazzjonijiet bankarji lilu jew lill-mara tiegħu, dawn ma jistgħux jitħassru, jew jitqattgħu, jew jittieħdu minn ġo xi bank ġo bagalja, għaliex it-tranżazzjonijiet bankarji kollha fid-dinja huma rreġistrati fuq sistema internazzjonali li ma jistgħux jitħassru minn fuqha.

Madwar siegħa qabel beda Xarabank, Daphne Caruana Galizia ippubblikat dak li qed tallega li huwa transcript ta' żewġ declarations of trust li allegatament kienu fis-safe tal-kċina ta' Pilatus Bank. U waqt id-dibattitu, il-Prim Ministru irrefera għal dan il-blog u qal li "min iffalsifika dawk id-dokumenti għamel żewġ żbalji madornali."

Qal li jekk Egrant hija kumpanija fil-Panama ma jistax ikollha indirizz Malti u spjega li t-tieni żball hu fid-data li nbiegħet il-kumpanija għaliex il-kumpanija nbiegħet lil Brian Tonna f'Awwissu tal-2013 u mbagħad allegatament reġgħet inbiegħet lil mart il-Prim Ministru f'Awwissu tal-2015.

Waqt il-programm stess Caruana Galizia kompliet tibbloggja u qalet li l-Prim Ministru qed jigdeb anke fuq din, għaliex filwaqt li Egrant hija verament kumpanija fil-Panama, infetħet fuq l-indirizz Malti fejn hemm l-uffiċċji tan-Nexia BT u fejn qabel kien hemm ukoll l-uffiċċji tal-Mossack Fonseca.

Ritratt: Dr Joseph Muscat
Fost l-argumenti jaħarqu li tqajmu waqt id-dibatittu, tqajmet ukoll il-kwistjoni ta' attakki familjari. Il-Prim Ministru sostna li mhux sewwa li qed jiddaħħlu l-mara u t-tfal tiegħu f'din il-kwistjoni u l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li anke l-familjari tiegħu kemm-il darba sfaw attakkati mill-blogger Glen Bedingfield.

Kien f'dan il-mument li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni bħal donnhom qablu li minn issa ’l quddiem se jwaqqfu l-attakki personali fuq il-familjari ta' xulxin u ssiġġillaw dan il-'patt' billi ħadu b'idejn xulxin.

Ritratti: Photocity Malta

No comments:

Post a Comment