best deal

Sunday, 28 May 2017

7 ideat li jaf joħorġuk ta’ nies jekk l-Elezzjoni Ġenerali ħabtitlek mat-tieġ.





Fl-uffiċċju ta’ Xarabank irċevejna diversi telefonati mingħand koppji li jinsabu rrabbjati għaliex l-Elezzjoni Ġenerali se taħbat eżatt fil-weekend tat-tieġ tagħhom. Xi koppji kienu ilhom snin sħaħ jippreparaw għal din il-ġurnata, u ħabta u sabta tħabbret l-Elezzjoni li se ddawwar l-attenzjoni kollha minn fuqhom għal fuq l-elettorat, li f’dak il-weekend se jkun qed jagħżel min se jmexxi lil Malta għall-ħames snin li ġejjin.


Onestament, m’hemm xejn li nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawn il-koppji, għax id-data tal-Elezzjoni ma ċċaqlaqhiex kif ġieb u laħaq. Imma għalikom il-koppji sfortunati li rrassenjajtu ruħkom u ddeċidejtu li tħallu t-tieġ kif pjanat, dawn huma xi ideat li jistgħu joħorġukom ta’ nies.

1. Arma big screen
Probabilment diġà rrealizzajt li se jkun hemm faxxa ta’ nies li mhux se jiġu għat-tieġ għaliex huma wisq akkaniti biex jaħlu dak il-weekend jaraw lilek tiddandan. U probabilment ukoll, dawk li se jiġu, xorta mhux se jkun moħħhom hemm. Għalhekk is-soluzzjoni hi li tarma big screen fis-sala tat-tieġ b’xandira LIVE b’dak kollu li jkun għaddej fil-counting hall fin-Naxxar. U kif tkun fiha arma wieħed bix-xandira tal-final taċ-Champions League ukoll.




2. Ġib rappreżentanti mill-partiti waqt it-tieġ
Jekk trid tkun aktar kreattiv, tista’ ġġib rappreżentanti mill-Partit Laburista u mill-Partit Nazzjonalista waqt it-tieġ biex ikunu huma stess li jħabbru r-riżultati waqt it-tieġ tiegħek. U b’hekk ikollok xi ħaġa esklussiva għat-tieġ tiegħek. Qabel tagħmilha ċċekkja mal-Awtorità tax-Xandir għax jaf ikollok bżonn iġġib rappreżentant minn kull partit, inkluż mill-Partit tal-Ajkla.




3. Arma polling booths fit-tieġ
Jekk se tiżżewweġ is-Sibt, tista’ tarma polling station żgħir waqt it-tieġ tiegħek. Jiġifieri jkollok l-open bar, il-mejda tal-ħut, il-mejda tal-kejk, u maġenbha polling booth żgħira, magħluqa bil-purtiera b’kollox biex jekk dak li jkun jiġi għat-tieġ u jkun għadu ma vvutax, ikun jista’ jivvota waqt it-tieġ.


4. Arma bil-merchandise tal-partiti
Jiena naf nies li kienu għaqlin biżżejjed li mit-tieġ tagħhom għamlu lira. Din tista’ tkun opportunità biex int ukoll tagħmel lira fit-tieġ. Arma mejda jew stand bl-imkatar tal-PN u tal-PL u malli tara l-irjus se jisħnu, aqbad biegħ kemm tiflaħ. Min jirbaħ dak il-ħin żgur mhux se jgħidlek le għal maktur jew bandiera tal-partit.


5. Lumi u party poppers
Il-problema prinċipali ta’ ħafna nies li jobogħdu jmorru t-tiġijiet hija li jħossuhom skomdi ħafna waqt tieġ. Għalhekk trid issib mezz biex waqt it-tieġ tiegħek, kulħadd iħossu li huwa parti minn grupp. Għalhekk arma b’ħafna kilogrammi lumi u b’ħafna party poppers. Meta jitħabbar ir-riżultat, il-lumi tih lil min jitlef u l-party poppers lil min jirbaħ. U pprepara ħafna xorb, għax kemm min jirbaħ u kemm min jitlef, kulħadd se jixrob ħafna.




6. Evita ċerti diski
Diski bħal The Final Countdown, New Tomorrow (Come on boys, come on girls) u What we started għid lid-DJ biex jevitahom għal kollox. Ir-raġuni hija ovvja.




7. Aqbad u ħassar kollox

Jista’ jkun li l-aħjar mod biex toħroġ ta’ nies huwa li taqbad u tħassar kollox. Jekk int raġel u beħsiebek tissuġġerixxi dil-idea lit-tfajla tiegħek, oqgħod attent, għax il-mara futura tiegħek malajr taf tispiċċa l-EKS tiegħek.



No comments:

Post a Comment