
Minn qassis għal avukat,
iżżewweġ 3 darbiet u kellu 2 funerali, magħruf bħala Toni tal-baħri, politiku u
poeta – Anton Buttigieg.
Twieled it-Tnejn 19 ta’
Frar 1912. Iben ta’ ġenituri mill-Qala, Għawdex. It-tielet, fost 4 aħwa. Anton
Buttigieg huwa bniedem ta’ fidi u reliġjon u kien għad baqagħlu sena biss biex
isir qassis. Madankollu ddeċieda li jitlaq u jkompli l-kors ta’ avukat. Waqt it-Tieni
Gwerra Dinjija serva ta’ inspekter fil-Forza tal-Pulizija u fl-1940 ggradwa
bħala avukat.
Fl-1944 iżżewweġ lil
Carmen Bezzina li mietet wara erba’ snin fl-età ta’ 28 sena u ħallietu bi tlett
itfal ta’ sitt xhur, sentejn u tliet snin. Fl-1953 Anton iżżewweġ
għat-tieni darba, lil Connie Scicluna, mill-Birgu iżda l-ħajja miżżewġa ma
damitx għaliex wara tliet snin mietet. Però Anton ma baqax
jaqta’ qalbu li jsib l-imħabba, u fl-1975 iżżewweġ li Margery Patterson, fl-istess
żmien li kien Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet Parlamentari.
Wara li kkontesta
mal-Partit Kostituzzjonali mmexxi minn Mabel Strickland mingħajr suċċess,
fl-1955 il-Perit Dom Mintoff ħajru jikkontesta f’isem il-Partit Laburista.
Bħala uffiċjal tal-istess partit, fis-snin 60 intlaqat ukoll mill-interdett.
It-Tnejn 27 ta’ Diċembru
1976, il-Parlament Malti ħatar lil Anton Buttigieg bħala t-tieni President
tar-Repubblika fejn b’dispjaċir kellu jħalli l-karriera politika warajh. Taħt il-Presidenza tiegħu, Malta ħadet il-ħelsien fis-sena 1979 u l-isbaħ
ġurnata fil-Presidenza tiegħu tkun dik propju tal-31 ta’ Marzu.
Erba’ snin wara dan
il-jum storiku u sentejn wara li spiċċa minn President, Anton Buttigieg imut
fil-5 ta’Mejju 1983, fl-età ta’ 71 sena. Propju bħal-lum 34 sena ilu. Sarlu funeral fil-Ħamrun u ieħor statali fil-Belt Valletta.

Kien l-ewwel President
li laqqa’ lill-awturi u poeti Maltin f’San Anton għax apparti li kien politiku,
Anton Buttigieg kien wieħed mill-aqwa poeti Maltin u kien magħruf bħala l-poeta
tan-natura. Kien jikteb poeżiji ta’
faraġ u dak li kien iħoss, u waħda mill-iktar poeżija magħrufa hi l-poeżija
famuża ‘Il-Kebbies tal-Fanali’.
Kull flgħaxija
Kif mal-għabex
Tnin u tmut saħħet il-jum,
Jiġi Majsi bis-sellum
U jixgħelli taħt it-tieqa
Fanal ċkejken,
li tal-lejl itaffi d-diqa.
Saħħti wkoll
Qed inħossha tmut kuljum;
Iżda msejkna l-Poeżija,
Kull flgħaxija
Dlonk tixxabbat mas-sellum,
U ġo qalbi
Tixgħel naqra ta’ fanal
Illi jtaffi ftit tad-diqa sa ma jmut ta’ ħajti l-fdal.
Allaħares ma kienx Majri
Illi jagħmel ftit tad-dija;
U ma’ Majsi – allaħares –
Ma kinitx il-Poeżija.
Dan il-poeta jibqa' msemmi wkoll għall-eleġija 'Niftakar' li fiha jagħti żewġ stampi ta' żewġ avvenimenti importanti f'ħajtu; meta ngħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ma' martu u meta kellu jinfired u jidfen lill-maħbuba tiegħu.
Madankollu, dan il-poeta kien ċajtier ukoll u waħda mill-epigrammi umoristiċi tiegħu hija 'Id-Dubbiena':
Madankollu, dan il-poeta kien ċajtier ukoll u waħda mill-epigrammi umoristiċi tiegħu hija 'Id-Dubbiena':
Kien ilha nofs ta' nhar tagħraxni f'wiċċi,
u jien b'idejja nxejjer u ngħid le;
fl-aħħar qbadt xugaman, iżda flok lilha,
ilqatt jaħasra, il-kikkra tal-kafè
Kitba: Gino Tanti u Marilyn Mintoff
Ritratti: antonbuttigieg.com
Filmat: MediacastMT
Filmat: MediacastMT
No comments:
Post a Comment