Monday, 15 May 2017
BIL-FILMAT: Claudia Faniello tasal lura Malta u tgħid li tixtieq terġa' tieħu sehem fil-Eurovision
Claudia Faniello waslet Malta tard il-Ħadd wara nofsinhar. Meta waslet l-ajrport sabet diversi nies jilqgħuha bil-fjuri, biċ-ċapċip u bil-kant tal-kanzunetta Breathlessly. Aħna konna hemm u hawn taħt tista' tara l-filmati u l-kummenti li ħadna.
Claudia illandjat fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta għall-ħabta tas-6:30pm b'titjira li ġiet minn Istanbul, u ftit tal-ħin wara ħarġet fis-sala tal-Arrivals fejn sabet ħafna tfal, żgħażagħ u familji jistennewha biex jawgurawlha għall-wirja eċċezzjonali li tat f'isem pajjiżna.
F'kummenti li tatna eżatt malli ħarġet mill-bieb tal-Arrivals, Claudia qaltilna li tinsab iddiżappuntata imma kuntenta għax għamlet ħilitha kollha biex tikseb isem tajjeb għal Malta. U meta staqsejtha jekk titħajjarx li terġa' tieħu sehem fil-Eurovision, bla tlaqliq ta' xejn qaltli li se terġa' tipprova.
Anna Faniello, omm Claudia, waslet minn Kiev ftit qabel Claudia u hi wkoll kienet qed tistenna lil bintha man-nies l-oħra. Meta tkellimna magħha qaltilna li tinsab sodisfatta mmens, minkejja li xtaqet li Malta tgħaddi għall-finali.
"On Mothers' Day I am a proud mother," qaltilna Anna bi tbissima.
Tkellimna wkoll mas-CEO tal-PBS, John Bundy, li mall-ewwel qalilna li huwa ddiżappuntat ħafna, l-aktar għaliex fi Kiev, l-esperti għoġbithom id-diska u kienu qed ibassru li se tgħaddi għall-finali.
"Minkejja li l-odds kienu qed jgħidu li mhux se tgħaddi u minkejja li s-social media f'Malta kienet qalbha maqtugħha, l-għajdut hemmhekk kien li se ngħaddu," qalilna John Bundy. U kompla jgħidilna li l-akbar diżappunt tiegħu huwa l-fatt li għaddew kanzunetti li kienu ta' livell ħafna aktar baxx mill-kanzunetta ta' Malta.
"Konna ta' kompetizzjoni, ġiet kif ġiet...imma nerġgħu nippruvaw darba oħra. Fl-aħħar mill-aħħar din mhix l-aħħar tad-dinja," temm jgħid John Bundy b'nota pożittiva.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment