best deal

Wednesday, 3 May 2017

BIL-FILMAT: "Qatt ma bsart li dan kien Bjorn li kont nafu student" - l-eks kap tal-iskola ta' Bjorn

Ritratt: Maria Camilleri tiltaqa' ma' Bjorn
"L-istorja ta' Bjorn ili nsegwiha imma ngħid id-dritt qatt ma bsart illi dan kien Bjorn illi kont naf jiena bħala student."

Dan kien il-kliem ta' Maria Camilleri, li f'attività organizzata mill-iskola primarja ta' Santa Venera ltaqgħet ma' Bjorn, li kien student tagħha meta kienet kap ta' din l-iskola.


Ftit mumenti wara li Maria ltaqgħet ma' Bjorn qaltlu: "għal dak li għamilt inti f'qasir żmien, inti eroj, eroj għal dawn it-tfal kollha illi hawn qudiemek, eroj għal Malta u Għawdex. Bjorn inti kbir f'għajnejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Qalbek kbira u tad-deheb għaliex inti fis-sitwazzjoni li tinsab fiha, ma ħsibx għalik imma ħsibt għal ħaddieħor sabiex ikunu pprivileġġjati minnek ħalli jieħu s-servizz li għandhom bżonn."

Ma' Xarabank, Maria tispjega li "ma' sħabu Bjorn kien popolari ħafna għaliex kien dejjem juri ċertu rispett u ċertu kolleġjalità." Tgħid li "Kont ngħid illi dak il-wiċċ kont nafu xi mkien imma qatt ma għaddieli minn rasi li kien dan l-istudent illi kelli jiena meta kont kap tal-iskola primarja ta' Santa Venera." Tispjega li "meta ċempluli u qaluli isma' l-iskola ta' Santa Venera primarja se tagħmel attività fejn se jkun mistieden Bjorn, ħassejt xi ħaġa fija. Bdejt ngħid Bjorn, l-iskola primarja, Santa Vernera, dak il-ħin jaffaċċja quddiemi dan l-eks student għadu żgħir, b'dawk l-għajnejn iħarsu lejk, dejjem jikbru u jidħu, u dak il-ħin ħadt xokk kbir." 

Qalet li meta rrealizzat li Bjorn huwa l-istess Bjorn li kienet taf hi kellha toqgħod bilqiegħda għax kważi kważi kien se jagħtiha ħass ħażin. Qaltilna: "Tista' timmaġina x'ħassejt dak il-ħin għax bħala kapijiet tal-iskola, l-istudenti jsiru parti minnek u ma tinsiehom qatt u lil Bjorn żgur qatt ma nsejtu u issa żgur mhux se ninsieh."

Waqt l-assembly tal-iskola, Bjorn mhux biss ġie mistoqsi xi mistoqsijiet mill-istudenti iżda talli kellu ċ-ċans jara kif tkun l-għodwa ta' dawn l-istudenti kull filgħodu qabel ma jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola. Filwaqt li ma naqasx l-entużjażmu tat-tfal waqt iż-żfin li sar minn xi klassijiet u mill-istudenti kollha waqt iż-żumba, issokkta iċ-ċapċip tat-tfal waqt li ġiet preżentata d-donazzjoni ta' €1,000 mill-istudenti.

Il-Kap tal-Iskola, Saviour Sammut qal li "minħabba li skoprejna li Bjorn kien jattendi hawn, grazzi għall-kuġini tiegħu illi jattendu l-iskola tagħna, kien hemm min xtaq illi nagħmlu din l-attività għal Bjorn u aħna ħtafniehom fil-kelma, iktar  u iktar meta sirna naf li kellu l-għeruq tiegħu fl-iskola tagħna."

Ara l-filmat hawn taħt:


No comments:

Post a Comment