best deal

Monday, 1 May 2017

Il-Prim Ministru jħabbar id-data tal-Elezzjoni Ġenerali


L-Elezzjoni Ġenerali se ssir nhar is-Sibt 3 ta' Ġunju li ġej. Id-data ħabbarha l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat ftit tal-ħin ilu f'mass meeting li qed isir fi Pjazza Kastilja.


Illejla l-Prim Ministru se jmur għand il-President tar-Repubblika biex ixolji l-Parlament, u dak ikun ifisser li minn hemm tibda immedjatament il-kampanja elettorali, li se tkun twila kważi ħames ġimgħat.

Din il-leġiżlatura bdiet f'Marzu tal-2013, wara li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali b'maġġoranza impressjonanti ta' 36,000 vot. Dan ifisser li teknikament, il-ħames snin tal-leġiżlatura jagħlqu f'Marzu li ġej, imma l-Elezzjoni qed tissejjaħ 9 xhur qabel tmiem din il-leġiżlatura. Minkejja li mhix prassi normali li Elezzjoni Ġenerali tissejjaħ daqsekk kmieni, il-Kostituzzjoni ta' Malta tippermetti lill-Prim Ministru biex isejjaħ Elezzjoni Ġenerali meta jidhirlu li hu l-aħjar.

Fl-aħħar jiem kien hemm ħafna spekulazzjonijiet minn ħafna nies dwar id-data tal-Elezzjoni Ġenerali, u ħafna kienu dawk li bassru li l-Elezzjoni se tiġi kmieni, wara li kważi ġimgħatejn ilu, il-blogger u ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li l-mara tal-Prim Ministru hija sidt il-kumpanija Egrant Inc, u wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni allega li fil-kont li għandu f'Pilatus Bank, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru daħħal xi flus minn tixħim mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

No comments:

Post a Comment