best deal

Friday, 19 May 2017

Jekk tixtieq tara l-pitturi jingħataw il-ħajja...


Nhar is-Sibt li ġej għandek ċ-ċans li tara l-pitturi jingħataw il-ħajja b'kunċert li se jittella' għat-tfal.

Il-pitturi u l-mużika li jispiraw huma t-tema tal-kunċert Family Fanfare li se jittella' mill-Orkestra Filarmonika ta' Malta.

Ippreżentat mill-attriċi u l-personalità magħrufa Larissa Bonaci, f'dan il-kunċert se jindaqqa l-aktar xogħol rinomat tal-kompożitur Russu Modest Mussorgksy, Pictures at an Exhibition. Dan ix-xogħol huwa rappreżentazzjoni ta' eżibizzjoni ta' għaxar pitturi minn Viktor Hartmann, li kien ħabib tal-kompożitur. 

Minkejja li ħafna minn dawn il-pitturi ntilfu, dawn qed jiġu rekreati għal dan il-kunċert f'sensiela ta' animazzjonijiet viżwali fl-istil distintiv tal-illustratur Matt Stroud.

Matt jispjega li "bdejt dan il-proġett billi nagħlaq għajnejja u nisma' kull biċċa tal-mużika, inħalli l-immaġinazzjoni tiegħi tiġri u nieħu n-noti." Iżied jgħid li "wara qrajt fuq l-ideat ta' Mussorgsky u fuq il-pitturi oriġinali u erġajt smajt il-mużika. B'hekk stajt noħloq xi ħaġa ispirata kemm mill-idea oriġinali tal-kompożitur, kif ukoll mill-ewwel impressjonijiet tiegħi."

Dan il-kunċert se jservi wkoll biex jagħti opportunità lit-talent żagħżugħ. Għaldaqstant, għall-ewwel darba fil-pubbliku, l-orkestra se ddoqq ukoll xogħlijiet oħrajn li ġew ispirati minn pitturi, miktuba minn studenti li jattendu l-iskola tal-mużika Johann Strauss. 

Il-biljetti għal dan il-kunċert, li se jittella' għada f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u fil-17:00pm, jistgħu jinxtraw minn showshappening.com fejn id-dħul mill-kunċert se jmur lill-Appoġġ Children's Fund, li ġiet imwaqqfa mill-Aġenzija Appoġġ biex tgħin lil tfal li għandhom bżonn għajnuna immedjata.

Ritratt tal-faċċata: www.comune.castelnovo-nemonti.re.it


No comments:

Post a Comment