best deal

Sunday, 14 May 2017

Kandidata tal-PN se tiżżewweġ waqt il-mass meeting

Ritratt: Graziella flimkien ma' Clayton
Is-sindku u l-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Graziella Galea se tiżżewweġ illum, waqt li jkun għaddej il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista. Graziella u Clayton qalu li meta pjanaw it-tieġ iddeċidew fuq din id-data għax kienu ċerti li mhux se taħbat mal-Kampanja Elettorali.

Illum, Graziella sippost għandha tkun fil-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-kandidati oħra u Clayton ukoll għaliex huwa l-Kap tal-Operations tan-Net fejn sippost għandu jieħu ħsieb il-kameras u n-nies kollha. Barra minn hekk, in-nies li jridu jaqraw fil-quddiesa huma kandidati li sippost se jkunu fil-mass meeting u għalhekk Graziella u Clayton kellhom jirranġaw il-post biex iġorru kollox għal hemmhekk. 

Waqt Xarabank il-koppja tispjega li "m'aħniex inlaħħqu. Qegħdin norqdu fis-1:00am kuljum u mhux naraw lil xulxin." Graziella u Clayton jgħidu li kellhom il-ħsieb li jiżżewġu f'Mejju għaliex ħasbu li l-elezzjoni żgur mhux se tiġi f'dawk iż-żminijiet. Fil-fatt, Clayton jispjega li "kelli f'moħħi li nieħu ħmistax off qabel it-tieġ biex noqgħod naħdem fil-post." Min-naħa l-oħra Graziella tgħid li "kelli f'moħħi li nieħu ġimgħa relax, immur l-ispa u hekk. Bħalissa filgħodu qed nipprova l-libsa, imbagħad immur nara s-sala u mbagħad nagħmel il-home visits. Però l-ħaġa t-tajba hi li bl-istress irqaqt!"

Filwaqt li f'dawn iż-żminijiet ħafna koppji jorbtu fuq il-best man, Graziella u Clayton ma jistgħux iħallu f'idejh għaliex il-best man tagħhom "bħalisssa qed jorganizza l-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-mass meeting ta' nhar il-Ħadd." Jispjegaw li ħafna mill-mistednin li sippost se jkunu l-mass meeting, inkluż Dr Simon Busuttil, se jmorru t-tieġ wara li jispiċċa l-meeting jew jitilqu mit-tieġ biex imorru l-mass meeting u jerġgħu jiġu lura.

Ħaġa kurjuża dwar dawn il-maħbubin hi li ma jaqblux bejniethom fuq min beda jħares lejn min! Clayton jirrakkontalna li kienu qegħdin party ta' ħbieb tagħhom f'Għawdex u ma waqfitx tħares lejh il-party kollu. Min-naħa l-oħra Graziella tistqarr li "l-verità hi li ġie sieħbu u qalli li ma waqafx iħares lejja hu." Storja interessanti wkoll hi li huma ltaqgħu eżatt qabel l-elezzjoni tal-2013 u b'hekk kollox donnu qed iseħħ fi żmien ta' elezzjoni!

Ritratt: PhotoCity Malta

No comments:

Post a Comment