best deal

Wednesday, 31 May 2017

Meta sfida tinbidel f'proponiment fuq iċ-ċumnija ta' Delimara

Ħafna huma dawk li jagħmlu kollox għall-imħabba u hekk għamel ilbieraħ il-preżentatur u komiku popolari Rodney Gauci ta' Skjetti, li wara li għamel l-isfida li jitla' maċ-ċumnija ta' Delimara, ippropona lill-għarusa tiegħu mill-quċċata.
Xarabank tkellem ma' Rodney dalgħodu. Rodney spjegalna x'ġara f'din l-isfida li se tibqa' indimendikabbli għalih u għall-għarusa tiegħu Alexia:

"Skjetti kellu sfida li jitla' maċ-ċumnija ta' Delimara, l-ogħla struttura li haw' hawn Malta. Kont ilni nipprova naħseb kif se nipproponilha lil Alexia u jiena għedt la ħa nkunu hemmhekk għaliex ma naqbadx u nipproponilha la kien hemm l-opportunità u fl-istess tkun xi ħaġa differenti."

Rodney jgħidilna li ddeċieda li jagħmel banner twil 25 metru bil-kliem Will You Marry Me? biex malli jilħqu l-quċċata taċ-ċumnija jniżżlu minn hemm fuq. Imma l-biċċa xogħol kienet din... Alexia kien mingħaliha li l-banner se jkollu miktub Skjetti u xogħolha kien li tiġbed ix-xena tal-banner nieżel minn fuq il-quċċata taċ-ċumnija.

Ritratt: Alexia u Rodney flimkien
Rodney żejjinha sal-inqas dettall u jgħid: "Jiena tajtha camera b'lenti kbira u allura kellha close-up u litteralment rat kull kelma miktuba fuq il-banner nieżla u dak kien il-punt li rrealizzat x'inhu jiġri."

Ma setax jonqos li Alexia, bħal kull mara oħra li toħlom li tasal il-ġurnata li tqatta' ħajjitha ma' żewġha, inħakmet minn emozzjonijiet kbar kif jixhed id-dmugħ li beda nieżel bil-ferħ wara li qaltlu 'iva.'

Malli ġiet wiċċ imb wiċċ ma' Rodney, Alexia ma kellhiex kliem ieħor għajr li tgħidlu li huwa miġnun, b'mod tajjeb. Bla ebda dubju, din l-istorja ta' mħabba se tibqa' stampata fil-ktieb ta' qalbhom it-tnejn li minn hawn u ftit ġranet oħra se jkompli b'kapitlu ġdid.

Ritratt tal-faċċata: Skjetti

No comments:

Post a Comment