Tonio Fenech, Charles Buhagiar, Giovanna Debono, Tony Abela u Joe Debono Grech huma wħud mill-membri parlamentari li mhux se jikkontestaw għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss u Xarabank tkellem magħhom.
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Tonio Fenech jgħid li "r-realtà hi li nħoss li wara li tajt 20 sena servizz lill-pajjiż, fejn għal għaxar snin kont ministru mhux ta' ministeru żgħir, naħseb li l-pajjiż tajtu dak kollu li kelli nagħtih." Jispjega li "jasal mument fil-ħajja fejn tistaqsi jekk il-politika hijiex l-unika ħaġa li hi importanti fil-ħajja." Iżied jgħid li "waqt li l-politika hija servizz nobbli, naħseb li hemm mument ukoll fejn wieħed jagħraf u jgħid, isma' jiena żmieni għamiltu, u tajjeb li issa jkun hemm nies ġodda li jagħtu l-kontribut tagħhom."
Tonio Fenech jistqarr li se jibqa' attiv fil-Partit Nazzjonalista u jgħid li "din l-għażla m'għamilthiex għax ma rridx nibqa' nipparteċipa fil-Partit imma fl-istat tal-ħajja li qiegħed, meta tikkunsidra kollox, naħseb li kien il-mument illi kelli ngħid li dak li kelli nagħmel, għamiltu." Jispjega li "naħseb lill-pajjiż tajtu servizz, anke bħala Ministru, fejn għamilna riformi kbar; daħħalna l-pajjiż fl-Ewropa, addottajna l-munita tal-ewro, mexxejna l-ekonomija fl-akbar kriżi tad-dinja u n-nies baqgħu jżommu l-post tax-xogħol." Jgħid li beda jistaqsi lilu nnifsu jekk jixtiqx li jkun l-istess ħaġa li kien fl-aħħar għaxar snin u r-risposta kienet le. Itemm jgħid li "hemm affarijiet oħra x'nixtieq nagħmel fil-ħajja li jimmaturaw ruħhom iktar 'il quddiem."

Il-Membru Parlamentari Laburista Charles Buhagiar jispjega li "m'iniex ħiereġ għall-elezzjoni għaliex jiena ilni 30 sena fil-Parlament u matulhom naħseb li dejjem tajt l-aħjar rekord li stajt nagħti." Iżżid jgħid li "naħseb fil-Parlament irrid nagħti ċans lil xi ħadd li huwa iżgħar minni biex jidħol minfloki."
Min-naħa l-oħra, il-Membru Parlamentari Indipendenti Giovanna Debono tistqarr li "jiena kont iddeċidejt mill-bidu nett tal-leġiżlatura li mhux se nerġa' nikkontesta u fil-fatt kont ħabbartha kmieni ħafna." Tispjega li "jiena għamilt 30 sena fil-Parlament u naħseb li huma biżżejjed fil-politika. Hekk qed nagħti spazju lil ħaddieħor, forsi lil xi ħadd iktar żagħżugħ, li jkun tajjeb." Iżżid tgħid li "ħassejt li għandi nieqaf hemm u issa se niddedika l-ftit ħin li baqagħli għall-familja u għan-neputijiet. Naħseb li kienet deċiżjoni illi ħadtha bl-aktar maturità politika."
Giovanna Debono tistqarr li se tħoss ħafna n-nuqqas tax-xena politika u tgħid li "għalkemm m'iniex ħierġa għall-elezzjoni nħossni eċċitata iżjed milli meta kont kandidata għax qed inħares lejn il-kampanja elettorali minn barra." Iżżid tgħid li "huwa żmien sabiħ ukoll u eċċitanti ħafna, u litteralment qatt ma kont eċċitata daqskemm jien issa għax fih is-sabiħ tiegħu wkoll." Ittemm tgħid li "l-politika nħobbha u għadni nħobbha, però m'hemmx għalfejn tkun kandidata jew deputata biex tagħti sehmek għall-politika għaliex hemm mezzi oħrajn biex tgħin ħalli tagħmel l-aħjar għażla li jidhirlek għal Malta."
Aħna tkellimna wkoll mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Tony Abela, li ma' Xarabank jispjega li mhux se joħroġ għall-elezzjoni minħabba l-età. Minkejja li mhux se jikkontesta, il-ħidma ta' Tony Abela xorta għaddejja għaliex ibnu se joħroġ għall-elezzjoni li jmiss u qed jagħtih is-sapport kollu. Jispjega wkoll li "xorta se nibqa' naħdem fi ħdan il-Partit minkejja li ma nkunx fil-Parlament." Fil-fatt jgħid li li "xorta se mmur għal-laqgħat tal-istamperija u xorta nibqa' nikkontribwixxi għat-tajjeb ta' Malta."
Il-Membru Parlamentari Laburista Joe Debono Grech jispjega magħna li mhux ħiereġ għall-elezzjoni ġenerali għaliex "għamilt 47 sena fil-Parlament u naħseb li huwa biżżejjed." Però Joe Debono Grech xorta se jibqa' attiv politikament u jispjega li "xorta ħa nibqa' naħdem għall-Partit. Fix-xena politika kont mill-1958 sal-lum u fejn ikun hemm bżonn li naħdem għall-Partit inkun għax jiena jinteressani mill-Partit."
No comments:
Post a Comment