best deal

Wednesday, 24 May 2017

"Naħseb m'hemm xejn ħażin f'dak li għamlu" - Andre Callus mill-Moviment Graffitti


Andre Callus mill-Moviment Graffitti jemmen li m’hemm xejn ħażin dwar l-att vandalu li sar fuq il-billboards tal-Elezzjoni Ġenerali matul il-lejl li għadda. Diversi billboards u posters ġew ivvandalizzati billi fuqhom ġew sprejjati l-kelmiet: ‘PLPN QAŻŻISTU ’L ALLA’. In-nies wara dawn l-atti qed isejħu lilhom infushom Billboard Guerillas, imma s'issa għadhom ma identifikawx ruħhom.


Dwar dan Andre Callus jgħid: "Hemm nies individwali li ħassew li għandhom jesprimu dan is-sentiment u ovvjament mhux ħa ngħidilhom li m’għandhomx jesprimuh. Dawn in-nies iridu jesprimu l-opinjoni li l-partiti l-kbar bl-imġiba tagħhom qed idejqu ħafna nies u naħseb li dan huwa sentiment ta' ħafna nies.” Itemm jgħid li “hija l-għażla tal-persuna li trid tesprimi l-opinjoni tagħha b’dan il-mod. Naħseb li m’hemm xejn ħażin b’daqshekk.”

Iktar kmieni dalgħodu fi stqarrija, Billboard Guerillas qalu li dan il-kliem ġie sprejjat fuq diversi reklami tal-Aqwa Żmiem ta' Pajjiżna u Jien Nagħżel Malta. Spjegaw li "l-mod kif kull pulzier ta’ pajjiżna ġie mimli slogans stupidi u vojta hu sinjal li l-PLPN qed jokkupaw l-ispazji politiċi, mentali u soċjali tagħna." Żied jgħidu li "għalhekk, il-lejl li għadda, wettaqna attakk simboliku, f'nofs kampanja elettorali soffokanti li qiegħda tkun ta’ sfida għas-sanità mentali ta’ ħafna."


Fi stqarrija qalu li ż-żewg partiti msemmija ħadu kontroll tal-istituzzjonijiet kollha ta' Malta sabiex dawn, flimkien mal-ħbieb mhux eletti tagħhom f'pożizzjonijiet għolja, ikomplu jeżerċitaw s-setgħa mingħajr ebda limitu. Sostnew li "filwaqt li xi kultant il-kulur ta' dawk li jkunu fil-Gvern jinbidel, il-poter jibqa' f’idejn tal-istess nies li jwettqu l-istess tip ta' politika." Saħqu li "huma jkomplu jakkommodaw lil min diġa' għandu ħafna u jqarrqu bil-bqija. Ovvjament, iħobbu jipperpetwaw l-ispettaklu billi jakkużaw lil xulxin b'korruzzjoni, iżda ħadd minnhom mhuwa lest li jbiddel sistema ibbażata fuq regħba u rabtiet bejn in-negozji kbar u l-politiċi."


Komplew jgħidu li l-maġġoranza tan-nies ikomplu jivvotaw għall-PLPN, iżda ħafna jagħmlu dan b’rassenjazzjoni u mhux b’konvinzjoni, u jispiċċaw jagħżlu dak li huma jqisu li bħala "l-inqas ħażin" f'sistema tant korrotta. Temmew jgħidu li dan mhuwiex kif taħdem id-demokrazija imma f'dik vera l-poter huwa f'idejn in-nies, u mhux għand l-elite li tbiddel l-kulur iżda mhux is-sustanza.

No comments:

Post a Comment