It-temperaturi huma ogħla mill-medja u minkejja d-diversi twissijiet
mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, aħna
iddeċidejna li nfakkrukhom fi ftit pariri għal dan is-sajf.
1) Ixrob ħafna ilma
Din bħalissa ssibha f’kull avviż imma importanti ħafna li tixrob ħafna ilma għax temperaturi għolja jikkaġunaw iktar telf ta’ ilma mill-ġisem li jistgħu jikkaġunaw dehydration. Tistenniex li tkun bil-għatx biex tixrob. U jekk ma tħobbux, żid ftit frott miegħu. Hu rrakkomandat li persuna għandha tixrob minn tal-inqas 3 litri fis-sajf.

2) Żomm ġismek
imxarrab
Agħmel attivitajiet li bihom iżżomm ġismek imxarrab. Iffriska ruħek... le żomm.... ruħek ma tistax tiffriskaha. Insomma fi kliem ieħor tbaħbaħ!
3) Ibqa' fid-dell
Ixgħel l-arja kkondizzjonata, poġġi liżar fl-art, ftit ikel ġo qoffa, pakkett crisps, erba' cushions u ntefa'. U jekk filgħaxija, tista’ tixgħel ftit xemgħat ukoll.
4) Agħsar frott
frisk
Ħallik mill-ġelat u agħsar frott frisk biex tagħmel xi smoothy tajjeb! Idealment meraq kiesaħ, b’iktar sustanzi u b’ħafna inqas zokkor. Żejjen tazza, poġġi straw u ixrob bil-mod.
5) Ikel frisk
Kul ikel kiesaħ u evita li tixgħel il-forn... ħlief jekk tkun se ssajjar xi kejk tajjeb taċ-ċikkulata.
6.) Iffriża x-xugamani
Xarrab biċċiet tad-drappijiet bħal xugamani, agħsarhom tajjeb, daħħalom fil-friża u żommhom miegħek. Ituk dehxa li tieħu gost biha.
7) Ħu ħsieb dak
l-annimal
Jekk għandek xi annimal, bħal kelb, qattus jew fenek, ara li żżommu frisk ukoll. Tħallihx marbut barra fis-sħana u ara li jkollu ilma
frisk, groomed u silġa tal-ilma ma tagħmilx ħażin lanqas.
8) Uża deodorant
Kun ħanin ma’ ħaddieħor u uża deodorant. Għal ħafna minna r-riħa tal-għaraq huwa l-agħar effett tas-sajf. Apparti li jxarrablek il-ħwejje, hemm ir-riskju li xi ħadd jagħtih xi ħass ħażin bir-riħa!
9) Iċċaqlaq!
Li barra tkun is-sħana mhijiex
skuża biex tnaqqas mill-eżerċizzju. Agħmel użu minn pixxina, gym, agħmel yoga
d-dar u evita li toħroġ timxi jew tiġġoggja bejn il-11:00am u l-4:00pm.
10) Dak
l-imgħarraq nemus
Diment li ma tgħix ġo bużżieqa, in-nemus fis-sajf iqattgħak. Iż-żejt taċ-ċitronella hu magħruf li jżomm l-insetti 'l bogħod u din hi vverifikata minn riċerka. Evita li tuża żejt pur taċ-ċitronella fuq il-ġilda tiegħek. Dan iż-żejt jista' jikkawża irritazzjonijiet tal-ġilda jew reazzjonijiet allerġiċi f'persuni b'ġilda sensittiva. In-nisa tqal għandhom joqogħdu attenti meta jużaw iż-żejt taċ-ċitronella, minħabba li l-ġilda tagħhom hija sensittiva ħafna matul dawk id-disa' xhur. Ukoll, iż-żejt taċ-ċitronella m'għandux jintuża fuq trabi u tfal żgħar minħabba li l-ġilda tagħhom tkun delikata.
Issa attent li ma taqbiżlekx għax is-sħana tal-ġisem mas-sħana
ta’ moħħok ma tantx ikunu sbieħ flimkien. Tifqanix...
Kitba: Gino Tanti
No comments:
Post a Comment