best deal

Wednesday, 14 June 2017

BIL-FILMAT: Dan huwa l-ewwel Malti li għamel 'backflip' bil-BMX

Ritratt: Karl Naja
Hekk kif tidħol fl-arena tal-BMX tiddakkar minn atmosfera ddominata minn enerġija ta' sewwieq li jqatta' sigħat twal isuq ir-rota, bil-għan li jipperfezzjona dan it-talent sportiv. Imma dan mhuwiex kwalunkwe sewwieq ieħor għaliex Karl Naja huwa l-ewwel Malti li għamel il-backflip f'pajjiżna.
Kellu 15-il sena meta beda jipprattika dan l-isport imma l-passjoni lejn ir-roti kienet ilha ġewwa fih minn meta kien għadu żgħir: "Ta' 5 snin dejjem kont niġri bir-rota għax kien xtrali waħda missieri u minn hemm 'il quddiem bqajt insuq. Imbagħad ta' 15-il sena sħabi ġabuni t-track ta' Pembroke u minn dakinhar ma waqaftx niġi hawn."

Karl huwa l-ewwel Malti li għamel il-backflip bil-BMX u jitkellem magħna dwar dan l-pass tant importanti fil-kamp sporttiv tiegħu: "Kienet esperjenza sabiħa għax kienet imbuttatura biex inħajjar iktar nies biex jagħmluha u biex dan l-isport jimxi 'l quddiem." 

Karl jirrakkonta kif din il-backflip ġiet bla ħsieb meta telgħu l-Olanda: "Konna jiena u sieħbi Ġanni Zahra fi skatepark u hemm ma mortx bit-tama li rrid nitgħallem din il-backflip. Hu tħajjar jippruvaha ġo foam pit u malli rajtu jippruvaha tħajjart jiena. Wara kull prova, kont qed nersaq iktar viċin imbagħad mas-sitt prova għamiltha tajba." 

Karl jispjega li kien proprju l-aħjar sewwieq Olandiż, Daniel Wedemeijer, li ħajru biex jippruvaha fuq rampa miksija rubble u meta ġie lura Malta, ħa ċ-ċans li jagħmilha hawnhekk ukoll u fil-fatt irnexxielu.



Imma xi jfisser dan l-isport għal Karl? Għal dan iż-żagħżugħ il-BMX ifisser ħajtu: "Il-BMX għalija huwa stil ta' ħajja. Nirringrazzja lil Johnny Zammit, li beda l-BMX hawn Malta u lil sħabi għaliex huma għenuni f'din it-triq sportiva li kemm xogħli u anke l-iskola jduru magħha."

Karl jispjegalna li rebaħ diversi kompetizzjonijiet u f'kompetizzjoni li kellu fi żmien tal-Għid ġie l-ewwel u f'Diċembru li għadda kellhom attività internazzjonali fejn irnexxielu jikklassifika bħala l-aħjar Malti. Barra minn hekk, Karl jibqa' msemmi għas-suċċess li kiseb propju fl-Olanda fejn minn 49 sewwieq, ikklassifika mal-ewwel għaxar u din kienet l-aħjar esperjenza li kiseb barra minn xtuna.

Jitkellem wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-BMX f'Malta: "Grazzi għal dan il-Gvern ta' dawn l-aħħar 4 snin dan l-isport tjieb ħafna għaliex issa għandna post fejn nistgħu nipprattikaw ġewwa u b'hekk it-temp ma jaffettwax l-impenji sporttivi tagħna. Fih għamilna tliet kompetizzjonijiet internazzjonali u minnhom stajna nitgħallmu minn sewwieqa barranin, naraw xi movimenti ġodda u anke huma setgħu jaraw affarijiet ġodda, u dan kollu għen biex l-isport jimxi 'l quddiem. Permezz tal-iskola tal-BMX, qed nagħtu wkoll ċans liż-żgħar minn skejjel differenti jesperjenzaw il-BMX."

Ritratt: Johnny Zammit
Xarabank tkellem ukoll ma' Johnny Zammit, il-bniedem li beda l-isport tal-BMX hawn Malta, u jispjega x'ġara matul dawn it-30 sena: "Matulhom rajt ħafna żgħażagħ jersqu lejn l-BMX Malta u s-sewwieqa tjiebu ħafna, tant li kellna wħud li marru barra." 

Johnny jispjega li kien ċiklist għal żwien twil tant li kien fit-tim nazzjonali tar-road racing: "Ilni 'l fuq minn 50 sena fil-kamp tar-roti u fl-1986, permezz tal-għaqda Libertas li kien fiha diversi dixxiplini, avviċinani l-kumitat ta' dak iż-żmien biex nibda norganizza ċ-ċikliżmu fi ħdan il-grupp u bdejt minn hemmhekk. Imbagħad avviċinawni biex norganizza grupp ta' żgħażagħ tal-BMX, li kien isuq f'Tas-Sliema, mort hemmhekk u minn hemm bdejna l-ewwel avvenimenti tagħna."

Filmat: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott

1 comment: