Ritratt: Nathan flimkien ma' martu Daniela |
Nathan u l-mara tiegħu Daniela kienu f'Xarabank ilbieraħ u rrakkontaw din l-istorja, u bil-għajnuna ta' Nathan, aħna rnexxielna wkoll nakkwistaw is-CCTV Camera Footage li juri l-mument eżatt x'ħin ġara dan l-inċident u Nathan salva l-ħajja ta' dan ir-raġel.
L-intervista u s-CCTV footage tista' tarahom f'dan il-filmat:
Nathan jaħdem bħala suldat mal-Forzi Armati ta' Malta u jispjega li kien lejlet jum is-silenzju meta flimkien ma' martu kienu qed jieklu f'restorant f'Wied il-Għajn. Jirrakkonta kif kienet Daniela, martu, li huma u jieklu ndunat li kien hemm raġel li kien bilqiegħda wara Nathan u kien qed jifga.
"Rajt lil dan ir-raġel jipprova jneħħi l-ikel li weħħilu fil-pajp tan-nifs u martu bdiet tgħajjat għall-għajnuna," spjegat Daniela. U Nathan żied magħha: "Dak il-ħin mort niġri fuqu u għall-bidu rajt jekk kienx qed jieħu ftit tan-nifs għax li kieku kien hekk, kont inċempel 112, però r-raġel xejn ma kien qed jieħu nifs u dak il-ħin bdejt il-proċedura tal-ewwel għajnuna."
Jirrakkonta kif ta diversi daqqiet b'saħħithom imma kien għal xejn u għadda għall-proċedura oħra. Jistqarr li dak il-ħin kien qed jiġġieled kontra l-ħin ukoll: "Kienu għaddew żewġ minuti u nofs, u minuta dak il-ħin tibda taraha siegħa."
Nathan dam madwar żewġ minuti u nofs jiġġieled biex isalva l-ħajja ta' dak ir-raġel, u rnexxielu. U meta għadda kollox, ir-raġel mar fuqu u qallu: "Illum salvajtli ħajti. Illum int l-eroj tiegħi."
Filwaqt li Nathan jirringrazzja lill-Forzi Armati ta' Malta, isostni kemm hu importanti li iktar nies ikunu jafu l-ewwel għajnuna. Jistqarr: "Ma nafx min hu r-raġel li salvajt u nixtieq inkun nafu." Għalhekk, jekk din il-persuna qiegħda tara dan l-artiklu, nitolbuk biex jekk trid tikkuntattjana ħalli nlaqqgħukom flimkien.
No comments:
Post a Comment