best deal

Monday, 19 June 2017

BIL-FILMAT: Ta' 49 sena...Ray Calleja żżewweġ!


L-attur, komiku u preżentatur Ray Calleja żżewweġ fit-3 ta' Ġunju li għadda, proprju fil-jum tal-Elezzjoni Ġenerali. Ray iżżewweġ lil Jocke fis-City Hall ta' Stokkolma, fl-Iżvezja.

Ray u Jocke kien ilhom joħorġu flimkien tliet snin u ltaqgħu fuq dating site fuq l-internet. Imma minħabba li joqogħdu ’l bogħod ħafna minn xulxin, kienet diffiċli li jiltaqgħu. U meta Ray ippropona lil Jocke, it-tnejn li huma kienu ltaqgħu fiżikament ma' xulxin għal mhux aktar minn 15-il ġurnata!

"Ġimgħa wara li bdejna nitkellmu fuq l-internet kont diġà għedtlu li għad nistaqsih biex niżżewġu," irrakkonta Ray waqt l-intervista li għamilnilu f'Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa li għadda.

Ray jispjega li d-data tat-tieġ ħabtet b'kumbinazzjoni mad-data tal-Elezzjoni Ġenerali, imma b'xorti tajba, it-tieġ kienu miftehmin li jagħmluh l-Iżvezja, il-post fejn twieled Jocke, u allura ma kienx se jitħarbat bl-Elezzjoni.

Madanakollu, ftit jiem wara li żżewġu, Ray u Jocke kellhom jerġgħu jinfirdu. Ray ġie lura Malta u Jocke baqa' jaħdem hemm bħala ners, għax kien għadu kif iggradwa mill-Università ġurnata qabel it-tieġ.




Għalissa, Ray u Jocke se jibqgħu jżuru lil xulxin fil-pajjiżi fejn qed joqogħdu, u din il-ħaġa xejn mhi faċli għat-tnejn li huma, aktar u aktar għaliex is-soltu, wara li jiżżewġu, il-miżżewġin iqattgħu ħafna ħin flimkien u jmorru honeymoon, u mhux jinfirdu.


"Hija diffiċli ħafna u nimmissjah ħafna," jgħid Ray. "Imma r-relazzjoni tagħna qisha nbniet b'dan il-mod...dejjem hekk kienet. U drajna nagħmlu ċertu żmien mifrudin."

Jispjegalna kif waqt iċ-ċerimonja taż-żwieġ qatt ma ħassu daqshekk eċitat daqs dak il-ħin: "Qatt ma naf li kelli performance f'49 sena u kont eċitat daqsekk għax bdejt nibża' li se ngħid I do ħażin."

Ray qal li dak il-ħin beda jkanta I Do ta' Fabrizio Faniello ħalli jipprattika, ma jmurx jgħidha ħażin!



Jocke huwa 11-il sena iżgħar minn Ray u jirrakkontalna l-istorja meta ħasbuh it-tifel tiegħu: "Kont qiegħed f'restorant mal-ġenituri tiegħi u ma' Jocke li kien ftit 'il bogħod minni u l-waiter dar u staqsieni x'se jieħu t-tifel tiegħi u dak il-ħin weġibtu li dak huwa proprju r-raġel futur tiegħi u tista' tisaqsih x'jixtieq jekol."

Waqt l-intervista lil Ray urejnih messaġġ sorpriża mingħand Jocke - messaġġ li lil Ray qabbiżlu d-dmugħ. Jocke jistħi ħafna quddiem camera u ma kinitx faċli biex nikkonviċuh, imma qalilna li għar-raġel tiegħu jagħmel kollox.

Fil-messaġġ, Jocke qallu li jħobbu u li issa qed jistenna b'ħerqa kbira biex ftit ġimgħat oħra jiġi Malta ħalli jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom mal-ħbieb Maltin.


Ray Calleja waqt wieħed mill-kunċerti ta' Kelma Kelma Nota Nota

No comments:

Post a Comment