
Il-kantanta Christina Magrin, li s-sena l-oħra rrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Parachute, illum nediet il-kanzunetta l-ġdida tagħha Snowglobe.
L-Erbgħa li għadda kellha l-birthday u għall-okkażjoni żvelat ftit minn dan il-proġett, u t-tim ta' Xarabank kien hemmhekk isegwi dan il-pass mużikali ieħor ta' Christina.
Fl-isfond ta' atmosfera allegruża, Christina tispjega magħna li flimkien mat-tim tagħha kienu ilhom jaħdmu fuq il-kanzunetta u kif il-ħsieb kien ilu hemmhekk, però kien proprju f'Jannar li għadda li x-xogħol beda sew.
Tistqarr magħna l-ferħ u l-kuntentizza li kienet qed tħoss dak il-waqt, filwaqt li tirringrazzja lil Angie u lil Duane Laus kif ukoll lil Fredick Testa li ħadu ħsieb il-vidjow mużikali tagħha. Ma setax jonqos li Christina wkoll tirringrazzja lil sħabha u lil familtha: "Nirringrazzja lil ħafna nies oħra li ssapportjawni matul din l-esperjenza kif ukoll nirringrazzja lil sħabi u lill-familja kbira tiegħi tas-sapport kollu."
Ma stajniex ma niħdux kumment ukoll ta' omm u missier Christina li jesprimu s-sodisfazzjoni tagħhom li jaraw lil binthom tagħmel pass fil-karriera mużikali tagħha. Filwaqt li missierha jesprimi l-ferħ tiegħu għan-numru ta' nies li ġew u għall-atmosfera sabiħa, ommha tistqarr: "Ħadna pjaċir bil-vidjow għaliex kien ilha taħdem għalih. Kienet xewqa kbira tagħha li tibda tniedi l-kanzunetti tagħha mill-album li ġej. Ovvjament issa dejjem inħarsu 'l quddiem."
![]() |
Ritratt: Missier, omm u oħt Christina |
"Kienet esperjenza sabiħa ħafna li naħdmu ma' Christina u mal-familja tagħha. Kienet l-ewwel darba li ħdimna ma' xi ħadd daqsekk żgħir u din kienet xi ħaġa differenti għalina," qalet Angie.
![]() |
Ritratt: Duane u Angie Laus flimkien ma' Fredick Testa |
Hawnhekk tista' tara l-music video il-ġdid ta' Christina Magrin:
U hawnhekk tista' tara xi filmati behind the scenes ta' kif inħadem il-music video:
Minn qalbna nawguraw lil Christina kull suċċess!
Filmat: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott
No comments:
Post a Comment