best deal

Wednesday, 21 June 2017

Dan it-tifel għandu 8 snin u diġà qed jikkompeti bil-BMX barra minn Malta


Dan it-tifel jismu Jacob Zerafa, u beda jsuq ir-rota meta kellu biss sentejn! Illum għandu tmien snin u ftit jiem ilu sar l-ewwel Għawdxi li ħa sehem fil-European Cycling Union BMX Cup li sar f'Verona, l-Italja.

Kienet l-inizjattiva ta' missieru li wasslet lil Jacob biex jirkeb ir-rota tas-suċċess tal-BMX. Aħna tkellimna ma' Jacob, li qalilna: "Bdejt insuq ir-rota ta' sentejn għaliex il-papà kien joħodni passiġġati fl-għelieqi u kont immur bir-rota."



Il-passjoni lejn ir-roti baqgħet tbaqbaq ġo fih u Jacob jirrakkontalna kif imbagħad qabad it-triq tal-BMX: "Kont l-iskatepark tal-Imsida u kien hemm wieħed rani nsuq u qal lil missieri biex jibda jeħodni t-track ta' Pembroke." 

Minn hemmhekk Jacob jgħidilna li beda jieħu xi lezzjonijiet mingħand il-kowċ tiegħu Karl Naja, li fil-ġimgħat li għaddew qasam magħna l-esperjenza tiegħu bħala l-ewwel Malti li għamel il-backflip bil-BMX.

Jacob jistqarr magħna li jieħu l-BMX bis-serjetà tant li jmur għat-training darbtejn fil-ġimgħa. Jacob mhux biss jaf isuq ir-rota imma jaf xi movimenti kemxejn tqal tal-BMX fosthom il-bunny hop.



Il-bunny hop hija meta tkun qed issuq ir-rota u jirnexxilek taqta' ż-żewġ roti mill-art. Jiġifieri litteralment taqbeż pied fl-ajru bir-rota b'kollox.

Kien propju Karl li qal lil Jacob bil-European Cycling Union BMX Cup li sar f'Verona u Jacob jaqsam magħna din l-esperjenza li saret fil-bidu ta' Ġunju: "Hemmhekk kien hemm tiġrijiet, taħriġ u kien hemm anke żewġ kompetizzjonijiet li fihom wasalt sas-semifinali. Ħassejtni li mort tajjeb u ħadt ħafna gost hemmhekk."

Itemm jgħid: "Nixtieq li nerġa' mmur is-sena d-dieħla u se naħdem biex immur aħjar!"

No comments:

Post a Comment