best deal

Monday, 19 June 2017

ESKLUSSIVA: Intervista ma' tfajla Maltija li kienet fl-attakk terroristiku tal-bieraħ f'Londra


Hillary Briffa, li bħalissa qed qiegħda Londra tagħmel PhD dwar il-Gwerra, rat b'għajnejha x-xena tal-post f'Londra fejn seħħ attakk li ħalla raġel mejjet u għaxar persuni midruba. Qed nippubblikaw din l-intervista esklussiva li għamilna ma' Hillary aktar kmieni llum, ftit sigħat wara li seħħ l-attakk terroristiku, litteralment taħt it-tieqa tal-appartament tagħha.
"Bħalissa qed inħossni emozzjonata ħafna għax bl-istudju tiegħi nixtieq li nagħmel id-dinja iktar sikura imma anke fuq l-għatba tal-bieb tiegħi haw' ftit nies ġifa li bil-ħażen tagħhom jikkawżaw traġedja għal kulħadd," qaltilna Hillary, li għamlet il-Masters fuq il-Kunflitt, is-Sigurtà u l-Iżvilupp.


Dan ir-ritratt ħaditu Hillary stess mill-appartament tagħha
Hillary toqgħod Finsbury, proprju fil-post fejn dal-lejl, għall-ħabta tan-nofs siegħa ta' filgħodu kien hemm persuna li saq b'veloċità għolja fuq bankina u baqa' dieħel ġon-nies li kienu viċin ċentru Musulman. Hillary tirrakkonta kif dan kollu ġara taħt it-tieqa tal-appartament tagħha.

"Ilbieraħ wasalt lura d-dar għall-ħabta tal-11:30pm u bħas-soltu smajt in-nota tat-talb mill-Moskea. Xi tliet kwarti wara seħħ l-attakk," qaltilna Hillary.

Dan ifisser li Hillary kienet viċin ħafna li ssib ruħha f'nofs l-attakk. Imma agħar minn hekk, il-ħabib tagħha kien litteralment ftit minuti ’l bogħod milli jkun wieħed mill-vittmi.

"Ftit wara kellu jiġi ħabib tiegħi biex iħalli xi affarijiet fl-appartament tiegħi. Ġie ħames minuti wara li sar l-attakk, fil-fatt ma setax jidħol fit-triq tiegħi għax kienu bdew jimblukkaw it-toroq." 

Hillary rrakkontatilna x'rat u semgħet meta seħħ l-attakk. "Dak il-ħin smajt ħafna għajjat u kien hemm konfużjoni sħiħa, inżilt fit-triq tiegħi u qbadt niġri man-nies li kienu qed jiġru lejn l-istazzjon."

"In-nies bdew jgħajtu li kien hemm vann li laqat xi nies barra l-Moskea," tirrakkonta Hillary. "Bħalissa għaddej ir-Ramadan u allura l-Musulmani kienu għadhom kif spiċċaw it-talb u kienu qed ilestu biex jieħdu l-breakfast flimkien."

Hillary tistqarr li wara rnexxielhom jaslu sa ħdejn il-vann u tgħid: "Kien hemm ċorma nies li ppruvaw jattakkaw l-aggressur, li huwa raġel ta' karnaġġjon abjad. Però l-pulizija bdiet timbotta n-nies lura u bdiet tgħid li ma tistax tagħti l-informazzjoni eżatta dak il-ħin. In-nies kienu mweġġgħin u ridna nersqu lura ħalli jgħaddu s-servizzi tal-emerġenza." B'dispjaċir kbir tistqarr li minn fejn kienet qiegħda, setgħet tara n-nies midruba: "Minn tal-inqas rajt tliet persuni feruti imma ċerta li kien hemm nies oħra midruba."

Il-mument li Hillary kienet qed tiġi intervistata fuq il-BBC
Iżżid tgħid li n-nies kienu eċitati ħafna u kien hemm nisa jibku u rġel jgħajtu: "Iżlamofobiku! Dan huwa attakk terroristiku! Fejn hu l-BBC? Fejn hi l-midja? Dan l-abjad huwa terrorist!" Tistqarr li ħafna kienu rrabbjati u ma ridux jersqu lura imma b'xi mod, il-forzi tal-ordni rnexxielhom jikkontrollaw il-folla. 

Hillary qaltilna li wara xi ħin ħallewha tirritorna d-dar. Daħlet fl-appartament tagħha u l-pulizija, fire engines u l-ambulanzi baqgħu hemm.

"Inżilt nara jridux te jew ilma u tajt xi flimkien tal-ilma lill-pulizija għax hekk biss stajna nagħmlu dak il-ħin għaliex wara qalulna biex nibqgħu ġewwa għas-sigurtà."
Dak il-ħin kitbet fuq Facebook x'inhu jiġri: "Bħalissa għad hemm il-pulizija u t-triq għadha magħluqa. Ħadd mhu qed jitħalla jidħol, anke ir-residenti ma jistgħux jidħlu f'darhom. Jiena wkoll lanqas għadni ħriġt mid-dar għax inkella mhux se nkun nista' nerġa' nidħol. Ġie wkoll Jeremy Corbyn, il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Partit Laburista, mal-mexxejja tar-reliġjonijiet differenti, jistqarr li rridu ningħaqdu flimkien u attakk fuq reliġjoni wieħed, huwa attakk fuq kollha."
Ittemm tgħid: "Jiena kont naf ukoll lill-Membru Parlamentari Jo Co li nqatlet is-sena l-oħra u kont diġà emozzjonata hekk kif illum jaħbat l-anniversarju tal-mewt tagħha u fil-fatt Londra qed tipprova tiġbor il-kommunità kollha biex tfakkar il-memorja tagħha, u li jiġri dan l-attakk fl-istess jum nħossni li qed nimxu lura minflok 'il quddiem."
Hilary ġiet intervistati minn  BBC News, Al Jazeera, Sky News, CNN, ABC News u CBC dwar dan l-inċident.
Ritratti: Hillary Briffa

No comments:

Post a Comment