Wara li nhar il-Ħadd li għadda ppubblikajna l-istorja tal-koppja Maltija li żarmaw mix-xogħol
biex iduru d-dinja sena qabel jiżżewġu, kien hemm ħafna nies fuq is-social
media li spekulaw minn fejn setgħu ġabu l-flus biex għamlu dil-ħaġa.
Fost il-kummenti kien hemm min kiteb:
"Mank insib lil xi
ħadd hekk li jdawwarni d-dinja u jkollu l-liri."
"Mhux għax tal-flus it-tnejn li huma? Flus ma' flus, flus jagħmlu."
"Rebħu s-Super 5 lol."
Naturalment, bħalma jiġri
kull meta l-poplu jmur fuq Facebook biex jesprimi ruħu, ħafna nies li
jikkummentaw ikunu qed jiżbaljaw, kif ġara f'dan il-każ. U l-koppja Luke u Romy
ħassew li għandhom jispjegaw minn fejn ġabu l-flus biex għamlu din l-avventura.
"Aħna m'aħniex
sinjuri, u din m'aħniex qed ngħiduha biex ninstemgħu umli jew biex nidhru sbieħ.
Din hija l-verità...aħna m'aħniex sinjuri," spjegawlna Luke u Romy.
"Konna naħdmu bħal kulħadd, kellna paga bħal kulħadd, u l-ġenituri tagħna
huma mill-klassi tal-ħaddiema. Jiġifieri ħadd minna mhu mgħarraq
fil-flus."
Luke u Romy spjegaw li din l-avventura tiswa' ħafna inqas milli wieħed jaħseb. "Jekk temmen fil-ħolm tiegħek, tista' twettqu," Qaltilna Romy. "Ta' 15-il sena jien kont diġà bdejt naħdem. U kemm jien u kemm Luke ġemmajna u pjanajna l-vjaġġi sewwa."
Min-naħa l-oħra, Luke
spjegalna li erba' snin ilu waqqaf kumpanija ta' konsulenza li kienet sejra
tajjeb, u mbagħad biegħha. "Imma l-kumpanija ma tahieli ħadd...bdejtha
jien ma' sieħbi u bdejtha mix-xejn," qalilna.
"U meta
tippjana l-vjaġġi tajjeb u minn kmieni ssib li tista' tmur in-naħa l-oħra
tad-dinja bi prezz irħas milli tista' tmur sa Londra," qaltilna Romy bi
tbissima. Fl-2012 mort għaxar xhur l-Awstralja u domt sena u nofs inġemma' biex
immur, għax fil-ħajja, mhux kemm għandek flus jgħodd, imma kemm għandek
determinazzjoni li twettaq il-ħolm tiegħek."
F’dawn
l-aħħar disa’ xhur, Luke u Romy marru fi tliet kontinenti differenti u żaru
mhux inqas minn 18-il pajjiż.
"Bejn wieħed u ieħor infaqna kważ €600 kull wieħed, kull xahar," spegawlna. "Jiġifieri probabilment infaqna daqs kull koppja oħra li kienet qed tgħix Malta."
Spjegaw ukoll li huwa qed jippruvaw iħeġġu aktar koppji jagħmlu bħalhom, tant li fil-website tagħhom jagħtu rendikont tal-ispejjeż li kellhom għal kull pajjiż li marru.
"Dejjem irqadna f'sodod nodfa, imma qatt ma fittixna li noqogħdu fil-lussu. Konna niġru bil-mutur, u biex nieklu ma konniex immorru fl-aktar restoranti għoljin, anzi, ħafna drabi konna nieklu man-nies tal-post u bħalhom," qalulna. "Imma dik hija l-isbaħ ħaġa tal-avventura."
Luke u Romy jiddokumentaw l-avventuri kollha tagħhom fuq channel fuq Youtube jismu Tag Along Travellers. Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar l-avventuri tagħhom agħfas fuq is-sit tagħhom Tag Along Travellers.
u kif in-nies iridu jafu kollox, x´jimpurtani minn fejn gabu l-flus. jien kieku kont ghadni zghira hekk naghmel u nhallas billi nahdem along the way. f´restaurants kull xoghol huwa tajjeb u ta dinjita.
ReplyDelete