best deal

Monday, 26 June 2017

Il-'Love Guru' żżewweġ!

Ritratt: Daniel u Adrian
Ilbieraħ fil-ġnien tal-Gardjola fl-Isla nfetaħ kapitlu ġdid għall-Guru tal-Imħabba Adrian Gusman u għall-Holistic Therapist Daniel Wright, wara li l-imħabba lejn xulxin wasslithom biex jingħaqdu flimkien f'Unjoni Ċivili.
Ma' Xarabank Daniel jispjega kif ilhom jafu lil xulxin fuq 25 sena minn fuq il-midja, u kien proprju programm tat-televixin li laqqagħhom flimkien: "Iltqajna fuq is-sett ta' Sibtek waqt recording ta' programm li s-suġġett tiegħu kien fuq l-imħabba."

Jispjegalna kif ir-rivalità fuq xogħolhom wasslet biex waqt id-diskussjoni kien hemm kontroversja sħiħa bejniethom, tant li tefgħu xi botti lejn xulxin. 

Madankollu spiċċaw il-programm b'nota li qarrbithom lejn xulxin: "Wara l-intervista tkellimna u qabel tlaqna għannaqna lil xulxin." Min kellu jgħidilhom, li din it-tgħanniqa kienet se twassal lil Adrian u lil Daniel biex jingħaqdu f'Unjoni Ċivili!

"Minn dakinhar bdejna nibagħtu l-messaġġi lil xulxin u ltqajna," jispjegalna Daniel. "Mill-ewwel ħassejna bħal ġibda tant li ma konniex qed ngħixu mingħajr xulxin, u bdejna nħossu l-ħtieġa li niltaqgħu kuljum."

Ritratt: Gino Tanti, wieħed mill-producers ta' Xarabank, għamel il-kejk tat-tieġ
U min ippropona lil min? Daniel jispjegalna kif Adrian ipproponielu darbtejn: "L-ewwel darba wara xahar imma ma rnexxietx u t-tieni darba waslet wara sena waqt li konna d-dar, u dakinhar għedtlu iva."

Daniel jistqarr li ddeċidew li jingħaqdu f'Unjoni Ċivili għax riedu juru lin-nies li l-imħabba teżisti anke bejn karattri opposti u li l-imħabba għadha teżisti u għadha moda. Iżid jgħid: "It-tieġ mhuwiex iż-żwieġ għax dan huwa uman, spirtwali u legali fejn żewġ enerġiji jingħaqdu f'waħda u bih tikseb rispett, imħabba u ammirazzjoni mingħand l-oħrajn."

Hekk kif illum fil-Parlament bdiet diskussjoni fuq żwieġ bejn koppji tal-istess sess, Daniel u Adrian se jikkonvertu l-Unjoni Ċivili tagħhom fi żwieġ u Daniel jistqarr: "Fi żwieġ tintilef l-identità taż-żewġ persuni u ssir identità waħda."

 Daniel u Adrian waqt it-tieġ ilbieraħ (il-Ħadd)
(Ritratt: Clint Azzopardi)
Kemm Daniel u kemm Adrian jipprattikaw l-ispirtwalità li jemmnu fiha u jitkellmu fuq l-imħabba fuq il-midja u meta staqsejniehom jekk hijiex faċli li jipprattikaw dak li jitkellmu dwaru, Daniel jispjega: "Biex tgħaqqad kollox flimkien, xi ħadd irid iċedi u dan li jagħmel ir-relazzjoni iktar faċli." Emozzjonat huwa u jitkellem, Daniel itemm jgħid: "Qatt titlef it-tama tiegħek fl-imħabba, jiġri x'jiġri f'ħajtek."

Kitba: Gino Tanti u Marilyn Mintoff

No comments:

Post a Comment