best deal

Wednesday, 28 June 2017

Jitkellem is-sewwieq Malti li baqa' dieħel ġon-nies f'inċident fi Sqallija


Ftit aktar minn tlett ijiem wara li seħħ l-inċident ikrah fi Sqallija, is-sewwieq Malti Ryan Mangion qalilna li kieku f'Malta għandna korsa tat-tlielaq tal-karozzi, kieku dan l-inċident seta' jiġi evitat.

Aħna tkellimna ma' Ryan dalgħodu, u stqarr magħna li għadu xxukkjat b'dak li ġara l-Ħadd li għadda. Ryan kien qiegħed isuq il-karozza tiegħu f'tellieqa fi Sqallija meta għal xi raġuni tilef il-kontroll, skiddja ’l barra mit-trakka u baqa' dieħel b'veloċità qawwija ġon-nies li kienu qed isegwu t-tellieqa mal-ġenb tat-triq.
Iċ-channel tal-Youtube ta' La Sicilia ppubblika dan il-filmat li juri l-mument li fih ġara l-inċident.


L-inċident seħħ waqt tellieqa li saret fil-Piemonte u ħalla tmien persuni midruba. U meta staqsejnieh għalfejn ġara l-inċident, Ryan stess ma kienx jaf jagħtina tweġiba.

"Emminni sal-lum ma nafx eżatt x'ġara," qalilna b'leħen miksur li juri ċar li għadu taħt xokk. "Il-karozza qiegħda għand il-Pulizija u għadu ma ħariġx riżultat ta' x'mar ħażin, imma jidher li kien hemm problema fil-pedala tal-gass."

Ryan qalilna li dawn huma problemi komuni f'dawn il-karozzi, imma ġeneralment huma problemi li s-sewwieqa jindunaw bihom meta jkunu għadhom qed jittrenjaw fit-trakka fil-pajjiż tagħhom, u mhux waqt it-tellieqa. U għalhekk Ryan qed jinsisti li kieku f'Malta għandna trakka tal-motorsports li hija attrezzata kif suppost, kieku dan id-difett fil-pedala setgħu jindunaw bih u jsewwuh meta kienu għadhom Malta. U b'hekk kien jiġi evitat l-inċident.

Ryan spjegalna wkoll li f'dak il-mument meta nduna li se jitlef il-kontroll tal-karozza ipprova jevita l-inċident.

"Ippruvajt inwaqqaf il-karozza kemm jista' jkun malajr imma ma kienx hemm biżżejjed ħin," qalilna. "Dak il-ħin ħassejt paniku kbir. Ma stajtx niċċaqlaq bix-xokk li kelli fuqi għax hija xena kerha ħafna u tal-biża' li ma nistax inneħħi minn quddiem għajnejja."

Ftit tal-mumenti wara li seħħ l-inċident ġew l-ambulanzi u ħadu lilu u lill-persuni feruti l-isptar, imma qalilna li ftit li xejn jiftakar x'ġara dak il-ħin.

"Kollox seħħ f'qasir żmien u dak il-ħin ma tkunx taf x'inhu għaddej," qalilna.

Sal-lum Ryan għadu xxukkjat. "Inħossni qed niċċassa l-ħin kollu u ma nistax inneħħi x-xena minn quddiem wiċċi. J'Alla ż-żmien itaffi dak li qed inħoss bħalissa."

"Għalhekk għandna bżonn trakka professjonali tal-motorsports, biex jekk ikun hemm difetti bħal dawn, nindunaw bihom u nsolvuhom meta nkunu għadna Malta, u hekk nevitaw li jweġġgħu n-nies," temm jgħidilna Ryan.

Ritratt tal-faċċata: Carlston Saliba 

No comments:

Post a Comment