![]() |
Ritratt: Christopher Paul Abela |
"Christopher ħa jibqa' mfakkar għad-daħka tiegħu, il-pożittività tiegħu u ta' kemm kien lest li jgħin lil ħaddieħor."
Dan huwa l-kliem ta' Fleur Abela, studenta Universitarja li kienet taf lil Christopher Paul Abela, ir-raġel ta' 28 sena li lbieraħ tilef ħajtu wara li baqa' dieħel taħt trakk bil-mutur li kien qed isuq fil-Bypass tal-Imrieħel.
![]() |
Ritratt: Fleur Abela |
Fleur tkompli tiddeskrivi lil Christopher bħala bniedem qalbieni u perseveranti, imma fuq kollox fih kienet tiddomina l-imħabba: "Bniedem li fuq kollox kien iħobb lil ta' madwaru u lil martu."
![]() |
Ritratt: Christopher flimkien ma' martu Jessica |
Fleur iġġedded il-memorji tagħha għal dak il-mument li fih kienu jawguraw lil xulxin qabel l-eżami: "Qatt ma ninsa l-ewwel sentenza li konna ngħidu lil xulxin spiss qabel nibdew eżami: Goodluck ħabib u ejja ħa naslu."
Fleur tispjega li saret taf bl-aħbar mill-midja, speċjalment mir-ritratt tiegħu, u tistqarr li ma kienx hemm bżonn li tiftaħ l-artiklu. Tesprimi dak li ħasset dak il-ħin meta rat l-aħbar: "Dak il-ħin ħassejt xokk bħal ħafna minn dawk li kienu jafuh, u x-xokk kien akbar meta tqis li kien ibigħ is-saħħa."
Ittemm billi tindirizza messaġġ lil Christopher stess: "Chris, grazzi ta' kollox u talli sena ilu għamiltli kuraġġ meta kont inċerta minn ħafna affarijiet. Kont dejjem pożittiv u kont bniedem mill-aqwa. Strieħ fis-sliem Dott."
No comments:
Post a Comment