best deal

Wednesday, 28 June 2017

"Qatt ma tgħaddi ġurnata li ma naħsibx fit-tifel" - Carmen Le-Gros


Carmen Le-Gros hija parteċipanta oħra li daħlet għall-isfida li Xarabank għamel f'kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Matul l-isfida, kull parteċipant tana ċ-ċavetta tal-karozza u għal ġimgħa sħiħa l-parteċipanti kollha kellhom jużaw il-karozza tal-linja kull fejn imorru. Waqt Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa li ġej, xi ħadd minn dawn il-parteċipanti se jiġi dikjarat rebbieħ ta' din l-isfida, u r-rebbieħ se jieħu miegħu €3,000.
Fl-ewwel laqgħa mal-parteċipanti l-oħra, Carmen, ferrieħa u l-ħin kollu tiċċajta, f'mument infaqgħet tibki. Tirrakkonta kif fil-bidu taż-żwieġ tagħha kellha tifel li kien il-mimmi t'għajnejha. Ta' 5 snin kienet ħarġitlu l-ħożba u qisu qatt ma reġa' ġie lura normali kif dejjem kien. "Ibni beda sejjer lura biex kellna anke neħduh l-Ingilterra għall-kura. Ta' 10 snin ibni miet." Fis-sala waqa' kwiet u wħud bdew jibku magħha. Carmen toħroġ ir-ritratt: "Dan it-tifel, kien bravu ħafna fl-iskola u baqa' sal-aħħar jaf x'qed jiġri. Jien u missieru konna ħdejh meta għalaq għajnejh għal dejjem." Imbagħad Carmen f'daqqa waħda bidlet il-burdata: "Ejja issa ma rridx li noqogħdu nibku, ħa nirrakkontalkom ftit praspar milli għamilt..."

F'din l-isfida, bħala nanna, Carmen tkun impenjata biex twassal lin-neputi tagħha għax-xogħol u għalhekk din kienet sfida enormi għaliha u għall-familja tagħha. Fil-fatt ma' Xarabank tistqarr: "Immissjatha l-karozza tiegħi għax ilni snin twal nużaha kuljum biex inkun ta' servizz għan-neputi tiegħi." 




Però Carmen tgħidilna li daħlet għal din l-isfida għaliex tħobbhom l-isfidi u qatt ma bassret li ser tingħażel: "Tfajtha għal sieqi u ma bsartx li se ningħażel u ħadt ħafna pjaċir għax qgħadt nikkomunika mal-partiċipanti li l-ħin kollu tuża l-Facebook."



Carmen tistqarr li bħala penzjonata, li ma tridx tmur għax-xogħol, ħassietha rilassata f'din l-isfida għax xorta marret fejn riedet mingħajr ma kienet marbuta bil-ħin. Iżżid tgħid li kieku ma tridx twassal lin-neputi, kieku tħossha komda b'tal-linja: "Għax m'għandix għalfejn ninkwieta li se naħbat jew fejn ħa nipparkja."

Carmen tagħmel paragun mat-trasport li kien jintuza minn bosta nies fl-antik u tgħid: "F'din l-isfida ħassejt li m'għandniex għalfejn ingergru għax ommi fl-antik kienet tgħidli li kienet timxi minn Birżebbuġa sa Raħal Ġdid u kienu jinqdew ukoll bil-bhima biex jivvjaġġaw." Ittemm tgħid li tħossha li aħna ffortunati u li mxejna 'l quddiem għax tal-linja kollha ndaf u bl-arja kkondizzjonata.



Nhar il-Ġimgħa f'Xarabank se nurukom l-avventuri li għaddiet minnhom Carmen matul dik il-ġimgħa li għamlet l-isfida. U jekk tixtieq li Carmen tirbaħ din l-isfida tista' tivvutalha billi ċċempel fuq 52202059 minn linja fissa jew mill-mowbajl. Il-linji huma miftuħin diġà!  Kull telefonata tiswa €0.75c. Importanti li wieħed qabel jieħu permess tas-sid tat-telefown.

No comments:

Post a Comment