
Nhar il-Ġimgħa għandek iċ-ċans li tara lil Żaren tal-Ajkla u lil Emmy Bezzina bħala Spice Girls, lill-membri parlamentari f'xena ta' Grease u anke koppja tingħaqad fiċ-ċerimonja taż-żwieġ.
Il-programm ta' nhar il-Ġimgħa ħa jkun daqsxejn differenti mill-programmi tas-soltu għaliex wara ġimgħat sħaħ ta' tensjoni issa wasal iż-żmien li bħala poplu nerġgħu ningħaqdu flimkien, din id-darba biex ngħinu lid-Dar tal-Providenza.
Xarabank tkellem ma' Anita Vassallo Piccinino, il-producer tal-programm ta' nhar il-Ġimgħa, u tispjegalna dwaru: "Nhar il-Ġimgħa se ningħaqdu flimkien għal għan wieħeħed biex niġbru għad-Dar tal-Providenza." Anita titkellem ukoll dwar x'se jkun fih dan il-programm: "F'Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa se jkollna 'l fuq minn 95 personalità, fosthom kantanti, membri parlamentari u atturi minn diversi drammi Maltin fosthom minn La Tħobbnix, Santa Monica, Intriċċi, Ta' Taħt Fuq, Inkwilini, Division 7, Ħbieb u Għedewwa, Klassi Għalina, Manwela, Tereża, Division 7 u Strada Stretta."
Il-preparamenti għaddejjin ġmielhom u fil-fatt Anita tispjegalna: "Matul din il-ġimgħa għaddejjin bir-rehearsals biex waqt il-programm apparti l-filmati li fihom se naraw għal xiex jew għal min qed niġbru, ikollna wkoll spirtu divertenti b'diversi xows li se jsiru mill-personalitajiet biex nieħu gost flimkien u niċċelebraw dan il-ġest ta' solidarjetà."
Għaldaqstant Anita tappella biex nhar il-Ġimgħa il-pubbliku jieħu gost magħna u ttemm tgħid: "L-idea din is-sena hija 'kif nista' ngħin jien?' Apparti li dakinhar tista' ċċempel fuq wieħed min-numri, inti tista' tgħinu ukoll lil resident għal sena sħiħ billi tgħinu b'donazzjoni ta' €500."
No comments:
Post a Comment