Hekk kif dħalna mill-bieb tas-santwarju Carers for Stray and Abandoned Felines f'Bormla, mill-ewwel ġew jiġru għal fuqna ħafna qtates u għall-mument ħsibna li qegħdin fl-Arka ta' Noè...li kieku l-fuq l-Arka Noe ħa biss qtates.
F'dik il-binja jgħixu aktar minn 250 qattus. Min sibnih rieqed, min jixrob jew jiekol, u min qabad jiġri wara l-camera ta' Xarabank u jidħol jiżżattat quddiem il-lenti biex ikun ċert li jiġi jidher.
Il-qtates f'dan is-santwarju huma ftit aktar speċjali għaliex kollha għandhom storja kbira, ħafna drabi traġika, x'jirrakkontaw. U minkejja li wħud minnhom huma għomja, b'sieq nieqsa jew mingħajr widnejn, l-imħabba li joffrulhom il-voluntiera hija xi ħaġa li tgħaqqad dawn il-qtates flimkien.
Aħna tkellimna ma' Joyce Scerri, waħda mill-voluntiera ta' dan is-santwarju, li b'dedikazzjoni kbira, hi flimkien ma' sħabha jagħmlu dak kollu li huwa possibbli biex jaraw li kull qattus ma jonqsu xejn. Dan is-santwarju li ilu mwaqqaf 'il fuq minn 10 snin ra l-bidu tiegħu fuq il-maċina tal-Isla u Joyce tispjegalna kif beda.
"Kienet Doris Zarb li bdietu dan is-santwarju, u bdietu bi ftit qtates imma minħabba li fil-post l-ieħor kellu jsir proġett kellna niċċaqlaqu u tliet snin ilu ġejna hawn." Minkejja l-kobor ta' dan il-post, Joyce tispjega kif minħabba nuqqas ta' finanzi u ta' voluntiera, iżommu numru limitat ta' kemm idaħħlu qtates, però żżid tgħid li kważi kuljum dan il-post jara qattus ġdid dieħel minn ġol-bieb.
![]() |
Ritratt: Joyce Scerri |
Joyce tispjegalna dwar is-servizzi veterinarji: "Dan is-santwarju joffri servizzi veterinarji għal qtates li għandu fih. Il-qtates li jkunu morda jittieħdu għand veterinarju għall-kura u mbagħad jitqiegħdu f'postijiet addattati biex il-proċess tal-fejqan ikompli għaddej."
Joyce laqqgħatna ma' tliet qtates partikolari - Buscuit, Alaska u Blue - tliet qtates li raw kapitlu ġdid f'ħajjithom grazzi għal dan is-santwarju.
![]() |
Ritratt: Buscuit flimkien ma' Joyce |
![]() |
Ritratt: Alaska |
![]() |
Ritratt: Blue |
"Dan il-post kien diżastru meta ħadnieh tant li kienu jgħidulu ġungla. Meta ġejna narawh sibna lil xi qtates jibku. Lanqas biss kellhom ġimgħatejn għaliex ma kinux għadhom fetħu għajnejhom iżda sfortunatament kollha kemm huma kellhom għajnejhom f'kundizzjoni ħażina u minħabba f'hekk, sfortunatament Blue għandu għajn waħda. Jiddispjaċini li ħafna jmorru għal qattus bħalma huwa Blue imma minħabba li għandu għajn waħda ma jaddottawhx."
Filwaqt li ltqajt ma' ferħ ta' xi ġimgħat u li f'ħakka t'għajn sabet lil min jaddottaha, iltqajna wkoll ma' koppja li fil-bidu kellha l-ħsieb li taddotta tnejn imma spiċċat ħarġet mis-santwarju bi tlieta.
Jirrakkontawlna kif dawn mhumiex l-ewwel qtates li se jidħlu jgħixu għandhom: "Kellna waħda li kienet ilha magħna 19-il sena u mititilna. Imbagħad sibna oħra mit-triq imma mietet ukoll u għalhekk ġejna hawn bil-ħsieb li naddottaw tnejn imma issa spiċċajna addottajna tlieta għax ma ridniex nifirduhom peress li huma aħwa. Dawn addottajniehom għat-tifla għaliex ħutha żżewġu u jservu ta' kumpanija għaliha." Ma stajniex ma nsaqsuhomx x'se jsemmuhom.
"Se nsemmu l-qattus Jack, il-qattusa Sophie u l-oħra għadna ma nafux imma naħseb li Phoebe, bħall-qattusa li konna ġibna minn barra."
Dan is-santwarju jitmexxa mill-voluntiera u permezz tad-donazzjonijiet mogħtija min-nies iżda Joyce tispjega kif il-bżonn ta' iktar għajnuna dejjem qed jikber: "Minkejja li nagħmlu xi attivitajiet biex niġbru l-flus, għandna bżonn għajnuna finanzjarja u anke ta' iktar voluntiera."
Għaldaqstant, filwaqt li wieħed jista' jaddotta qattus/a, anke dawk il-qtates li jeħtieġu iktar imħabba u għajnuna, wieħed jista' jgħin ukoll billi jagħti donazzjoni.
![]() |
Numru tal-NGO: VO/0081 |
No comments:
Post a Comment