best deal

Wednesday, 26 July 2017

BIL-FILMAT: Għaliex qed isibu l-ittra V bl-aħmar?



Tinħasdux! Din l-ittra bl-aħmar se tkun qed tintlemaħ biss minn Ottubru li ġej fis-serje l-ġdida Vigilante.



Aħna tkellimna ma' David Rizzo minn darC Producations li qed jikteb u qed jidderiġi din is-serje.

Jagħtina sfond tal-istorja u jispjegalna: "Vigilante jittratta storja ta' tfajla bl-isem Azalea li taħdem bħala konsulenta ma' tfal u adoloxxenti. Kif se naraw Azalea kienet tgħix ma' ommha, missierha u oħtha. Però Azalea titlef lil ommha u lil missierha f'inċident tat-traffiku u jispiċċaw biss hi u oħtha. Oħtha toħodha bil-kbira t-telfa t'ommha tant li titlaq l-istudji u taqa' f'dipressjoni. Tibda tagħmilha ma' ġuvni li minflok jgħinha toħroġ minn din is-sitwazzjoni, iqabbadha triq ħażina bil-vizzju tad-droga u xorb. Però l-ġuvni li kienet toħroġ miegħu jidħak biha u tispiċċa tipprostitwixxi ruħha sakemm issir taf sigriet dwaru. Għalhekk jiddeċiedu li joqtluha b'overdose u tinstab mejta minn oħtha."

Ikompli jgħidilna li fl-istess ħin fuq il-midja u l-aħbarijiet jibda jingħad li hemm Vigilante jiġri mas-saqajn u dan joħloq kurżità. Jispiċċa jpatti lil nies għal għemilhom u wħud jibdew jammirawh. David jistqarr: "Fis-serje nidħlu fi stejjer oħra bħal abbuż u bullying u l-Vigilante jibda jidħol fihom ukoll biex joħloq ġustizzja u ma jibqgħux isofru. Il-Pulizija jibdew jindunaw li min qed iwettaq din l-azzjoni, qed iwettaqha għax irid hu u għaliex dejjem isibu karta miktuba bl-ittra 'v' bl-aħmar. Hawn min se jaħseb li l-ittra 'V' qed tirreferi għal Vigilante imma mbagħad nindunaw li din l-ittra tfisser xi ħaġa oħra."



Imma kif ħarġu b'din l-idea? David jistqarr li pprovaw imorru għal xi ħaġa differenti: "Is-soltu niktbu stejjer li ndaħħlu fihom misteru kbir imma indunajna li n-nies iħobbu wkoll xi ħaġa tradizzjonali bħalma huma l-problemi soċjali u relazzjoni li ma tirnexxix. Ipprovajna ngħaqqdu dawn iż-żewġ affarijiet flimkien biex noħorġu b'idea oriġinali."

Bħalissa t-tim tal-produzzjoni u l-atturi għaddejjin b'ħidma ġmielha: "Il-proċess tal-filming beda fil-bidu tax-xahar u qed naħdmu sitt ijiem fil-ġimgħa. L-atturi wkoll qed jieħdu xi lezzjonijiet tal-arti marzjali u anke tal-ġlied bix-xabli biex jippreparaw ruħhom sew qabel ma tinġbed ix-xena. L-iscript għadu qed jinkiteb u bħalissa qed niltaqgħu biex noħorġu b'iktar ideat.

Għaliex wieħed għandu jara Vigilante, f'Ottubru li ġej kull nhar ta' Sibt fit-8:30pm? "Din is-serje nqabbilha ma' mejda mimlija platti varji u platt minnhom se jolqtok u jogħġbok żgur."



Din is-serje qed tittella' minn DarC production f'kollaborazzjoni ma' WE Media.

Żur il-paġna ta' Vigilante biex tikseb iżjed informazzjoni.

No comments:

Post a Comment