best deal

Friday, 7 July 2017

BIL-FILMAT: Ira Losco tgħid tagħha dwar iż-żwieġ ugwali għal persuni LGBTIQ


Fl-isfond tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-liġi taż-żwieġ ugwali li qed tiġi proposta fil-Parlament, il-kantanta Maltija Ira Losco ħasset li għandha tgħid tagħha wkoll.

Aħna morna niltaqgħu ma' Ira aktar kmieni llum, waqt li kienet għaddejja bis-soundchecks tal-Beland Music Festival, li qed iseħħ illejla. U dan huwa x'qaltilna:



 

Ira qaltilna li ilha minn mindu kellha 16-il sena titkellem favur id-drittijiet indaqs tal-persuni LGBTIQ, għaliex kien ta' dak l-età li skopriet li dawn il-persuni jgħaddu minn ħajja mhux daqstant faċli minħabba li ta' spiss is-soċjetà tiddiskrimina kontrihom.

"Dak iż-żmien, fid-disgħinijiet, ma tantx kien hemm awareness fuq il-komunità LGBTIQ, u jien sirt naf bihom mill-ħbieb li kelli, li wħud minnhom kienu omosesswali," qaltilna.

Ira saħqet li hija temmen li kull relazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett, u allura ma tarax raġuni għalfejn hi, bħala persuna eterosesswali, għandha dritt tiżżewweġ, filwaqt li persuna li hija omosesswali m'għandhiex l-istess dritt.

"Nirrispetta lil min ma jaqbilx ma' din il-ħaġa, imma kulħadd għandu jqiegħed lilu nnifsu fis-sitwazzjoni ta' ħaddieħor," saħqet Ira. "Naħseb li l-empatija hija nieqsa ħafna f'dan il-pajjiż u hemm bżonn li lit-tfal tagħna ngħallmuhom iħossu dak li qed iħoss ħaddieħor, għax mhux sew li jekk inti qiegħed sew tiġi titmejjel minn ħaddieħor."

Ira għamlet referenza wkoll għal dak li sejħet "lingwaġġ diskriminatorju" fil-liġi Maltija kif inhi s'issa. Qalet li hemm bżonn li anke fil-liġi, dawn il-kelmiet li jiddiskriminaw ma' min huwa LGBTIQ għandhom jiġu mibdula biex tinqered darba għal dejjem kull forma ta' diskriminazzjoni f'dan ir-rigward.

Illejla Ira Losco qiegħda tkanta fil-Beland Music Festival, f'Bulebel, flimkien ma' The Travellers, Relikc, u The Voyage. Dan wara li nhar it-Tlieta li għadda, Ira ħarġet teaser tas-single il-ġdida tagħha OMG.

No comments:

Post a Comment