best deal

Saturday, 8 July 2017

BIL-FILMAT: Mary Fenech Adami mietet bħal-lum 6 snin ilu

Ritratt: Mary Fenech Adami
Fl-1933 twieldet Slimiża li qattgħet tfulitha fil-kruha tal-Gwerra, il-mara tal-eks President ta’ Malta, Mary Fenech Adami. Mara li b’umiltà kbira ħadmet biex tgħin lil min hu fil-bżonn.

Kienet villeġjatura mal-familja f’San Pawl il-Baħar meta Mary tiltaqa’ ma’ żagħżugħ mistħi, Eddie. Min kellu jgħidilhom li kellhom ikunu dik il-koppja mill-aktar prominenti għal iktar minn 30 sena?
Mary iżżewġet lil Eddie l-Ħadd 27 ta’ Ġunju tal-1965, lir-raġel li kien Prim Ministru erba’ darbiet u li wara sar il-President ta’ Malta.

Fl-1987 Eddie Fenech Adami, minn avukat isir Prim Ministru għall-ewwel darba, però qabel dan iż-żmien il-familja għaddiet minn żmien diffiċli. Vjolenza li ġabet magħha l-politika taż-żmien it-tmeninijiet. Minkejja t-tbatija, Mary kienet paċenzjuża u titlob lil Alla jagħtiha iktar paċenzja u sabar.




Ta’ min isemmi li għalkemm il-politika ma kinitx togħġobha, lil żewġha xorta kienet tgħinu u kienet kolonna li fuqha kien iserraħ. Mary lil Eddie kienet ittih l-appoġġ kollu, dejjem, ħlief darba biss, meta fl-2004 Eddie kien se jsir President u hi ma riditx tmur tgħix fil-Palazz ta’ San Anton.

Mary riedet tibqa’ tgħix fid-dar li kellhom Birkirkara. Kienet tiddejjaq lil min jgħidilha "sinjura" u riedet tibqa’ dik il-persuna li kienu jafu n-nies. Għaddiet tagħha u hi flimkien ma’ żewġha baqgħu jgħixu fid-dar tagħhom. Minkejja dan, ix-xogħol ma naqasx.

Għalkemm kellha 70 sena, meta kienet il-First Lady ta’ Malta Mary għamlet xogħol kbir b’risq il-Communty Chest Fund, u kienet tgħin lill-morda, speċjalment lil tfal morda bil-kanċer.

Mary Fenech Adami flimkien ma' żewġha fil-gallarija wara l-ġurament ta' George Abela bħala l-President ta' Malta
Il-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi jirrakkontalna kif darba, waqt li kienu Londra jiffilmjaw għall-Istrina ma' Mary Fenech Adami, biex tiffranka xi spejjeż u anke minħabba l-umiltà li kellha, marret tixtri l-ħobż, il-butir u l-perżut minn supermarket u ppreparat xi ħobż, u hi flimkien mat-tim li kien magħha marru jikluhom fuq bank ġo ġnien pubbliku.

Is-Sibt 2 ta’ Lulju 2011, waqt it-tieġ ta' bint l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, fil-Girgenti, Mary ħassha ħażin u bl-assistenza tat-tobba li kienu mistiedna, fosthom Dr. Alex Manchè, twasslet l-isptar. Mary għamlet ftit jiem fit-taqsima tal-kura intensiva u bħal-lum 6 snin ilu, fit-3 ta’ waranofsinhar ħadet l-aħħar nifs ta’ ħajjitha fl-età ta’ 77 sena. Il-funeral sar fil-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara.

Ritratt: Il-familjari u l-ħbieb waqt il-funeral ta' Mary Fenech Adami

Din hija lirika miktuba minn Vince Fabri bħala tislima lil mibkija Mary Fenech Adami - 

Bogħod mill-folla tipprotesta
qalb it-toroq lejl u nhar
hemm imbeżżgħa mara anzjuża
fuq ix-xwiek tistenna d-dar

Bogħod mill-ġemgħa tiċċelebra
b'kant tar-rebħ matul il-lejl
bil-kuruna żżebbeġ f'idha
tirringrazzja lill-Mulej

Bogħod mis-swali tal-palazzi
f'dar li darba rat imfarrka
qalb t-tfal u tfal t'uliedha
mal-familja ssib il-barka

Appuntamenti mingħajr djarju
fit-triqat tilqa lin-nies
tisma l-kliem tal-ilħna siekta
li taf tifhem Mary biss.

Kitba: Gino Tanti
Ritratti: Times of Malta

No comments:

Post a Comment