best deal

Monday, 17 July 2017

BIL-FILMATI: "Il-kilwa li tajtu spiċċat il-ħabs."

Ritratt: Stephen Vassallo
Dan huwa Stephen. Ilna biex inkellmuh 3 snin. Dejjem irrifjuta għax ma riedx jiftaħar b'dak li għamel. Imma llum Stephen ġie hu stess biex jitkellem ma' Xarabank.


Stephen kien sema' li Mario ta' 33 sena, ħabib tat-tfal tiegħu, kellu bżonn kilwa: "Din jiena naraha qisha vokazzjoni. Bħal meta bniedem il-Mulej jgħajjatlu biex jidħol għal qassis. Il-vokazzjoni tiegħi kienet li dejjem xtaqt ngħin lil persuna oħra. Nagħmel xi ħaġa ta' ġid għal din il-persuna."

Stephen beda t-testijiet biex jara jistax jagħti l-kilwa lil Mario: "Bdejna t-testijiet, tkellimna mal-familjari għax dik hija l-ewwel u qabel kollox. Li ġietni daqsxejn favur illi d-demm tat-tfal inzerta mhux o positive bħal tiegħi għax id-demm huwa bħal ta' ommhom. Jiġifieri jekk Allaħares qatt jiġu bżonni t-tfal, xorta ma nistax ngħinhom. Ma nistax inkun donatur tagħhom. U bqajna mexjin minn hemm. Iddeċidejt illi rrid ngħinu biex dan il-bniedem jerġa' jgħix ħajtu. "

Mit-testijiet jirriżulta li Stephen jista' jagħtih il-kilwa.

Ftit qabel l-operazzjoni, Mario jkun muġugħ ħafna u biex itaffi l-uġigħ beda jieħu l-ħaxixa: "Dan kien jeħodha mhux b'kapriċċ. Dan kien jeħodha biex itaffi l-uġigħ għax ma kienx jista' jorqod. Dan, ma nafx kif u x'ġara, kien ibigħ naqra minnha biex isostni tiegħu għaliex huwa bniedem bla finanzi u b'xejn, u nqabad. Sadanittant għandna d-data tal-operazzjoni."

Il-Pulizija tressaq lil Mario l-Qorti. U waqt li kien tiela' u nieżel il-Qorti, issir l-operazzjoni: "Tlajna bit-tbissima t-tnejn li aħna. Għedtlu issa nagħtik biċċa minn tiegħi u inti tiġi tajjeb jekk il-Bambin irid. U tlajna għall-operazzjoni. L-operazzjoni ma nafx kemm damet imma naf li damet sigħat twal. Li niftakar żgur illi kif ħriġna mit-teatru tal-operazzjoni, il-Professur eżatt kif infetaħ il-bieb tal-lift u ħa joħduni s-sala, jiena u nistejqer qalli: "Stephen, x'qed tħoss bħalissa?" Jiena għedtlu: "Żewġ affarijiet bħalissa; uġigħ minħabba l-operazzjoni u ferħ għax għamilt xi ħaġa..." Taptapli tnejn fuq spallti u tellgħuni s-sala."

L-operazzjoni rnexxiet u Mario reġa' twieled mill-ġdid: "L-istat li kien fih qabel l-operazzjoni, kien wasslu biex imur għad-diaylsis tlieta jew erba' darbiet fil-ġimgħa. Il-kulur tiegħu kien spiċċa, kien naqqas ħafna mill-piż u ma setax jaħdem. Kien bniedem bla saħħa. Kieku dan il-bniedem illum qiegħed taħt it-trab."

Wara l-operazzjoni Mario jingħata s-setenza. Jeħel 5 snin ħabs u €15,000 multa: "Is-sentenza nqatgħet u daħal il-ħabs.  Mas-sentenza, dak il-ħin inqara li qiegħed fuq il-medikazzjoni. Dan ma tistax tfallilu ċertu pirmli inkella jirrifjuta l-kilwa li tajtu jien."

Steve jallega li fil-ħabs, lil Mario ġieli qabżulu xi medikazzjoni: "Tliet darbiet infila ħallewh mingħajr pilloli u jerġa' jispiċċa l-isptar. Mela jiena għamilt sagrifriċċju mix-xogħol, issograjt ħajti għal dan il-bniedem, nagħtih il-kilwa tiegħi biex ngħajjex lil dan il-bniedem u bi skapitu u b'negliġenza ma jagħtuhx il-pilloli. Jerġa' jispiċċa ġewwa l-isptar u jirrifjuta l-kilwa li tajtu jien. Jiġifieri l-biċċa li tajtu jien, spiċċat fix-xejn. Din mhijiex aċċettabbli. Din xi ħaġa assurda. Bħalissa nħossni li qalgħu biċċi minni u tefgħuha fiż-żibel. Hekk qed inħoss jien."

Stephen issostni li post dan il-bniedem mhuwiex il-ħabs: "Qiegħed il-ħabs ġo ċella u bil-kundizzjonijiet li qiegħed ma jistax ikompli jgħix. Qiegħed fuq sodda normali, meta sippost għandu jkollu sodda li trid titla' għax hu ma jkunx jista' jieħu nifs. Dan il-bniedem ma jistax jixrob u ċ-ċella kollha sħana. Jekk ikun xi mkien għall-inqas b'arja kkondizzjonata kif qegħdin fl-eqqel tas-sajf, ma jaqbdux għatx għall-inqas u jkun jista' ma jixrobx. Għax hu la jista' jixrob sew, u lanqas jiekol. Dan irid minn ħaddieħor. Dan postu mhuwiex hemm."

Ritratt: Peppi Azzopardi
Dwar din l-istorja jikkummenta Peppi Azzopardi: "Għandna persuna hawnhekk illi għax huwa muġugħ ħass li kienet qed tgħinu l-ħaxixa u beda jeħodha. Naturalment peress li kien marid u ma kienx qed jaħdem, kellu jbigħ xi ftit minnha kif jagħmel kull min jieħu d-droga hawn Malta. Dak iż-żmien illi ġrat, ma kinitx possibbli li l-ħaxixa teħodha bħala mediċina. Allura dan huwa sewwa illi għax dan il-bniedem ħadha bħala mediċina jiġi kkundannat ħames snin ħabs?"

Peppi jistaqsi lill-awtoritajiet: "Din il-persuna wara li beda jeħodha u għamel l-operazzjoni, waqaf jeħodha l-ħaxixa. Allura la clean u m'għadux jieħu d-droga, tibgħatu l-ħabs? X'bgħattu jagħmel il-ħabs? Għalhekk ngħidilha vendikazzjoni. Kull min imur il-ħabs fuq droga, kif taqbad u titfgħu hemm u tgħidlu li jekk tixtieq tirrijabbilta ruħek l-aħħar sentejn, tista' tmur programm. L-aħħar sentejn? U l-ewwel tliet snin? Mhux ovvjament jibqgħu jieħdu d-droga kull min jidħol hemmhekk b'vizzju. Għalhekk il-persuni li jieħdu d-droga m'għandhom qatt jidħlu l-ħabs. Dawk huma persuni li għandhom problemi soċjali u li għandha tiġi solvuta fi sptar soċjali u mhux il-ħabs."

Iżid jgħid: "L-appell li għamel Stephen huwa appell importanti. Ir-responsabbiltà ta' min għandu l-poter hija din; x'jiġri jekk dan jitlef ħajtu? Min se jieħu r-responsabbiltà ta' dan il-ġuvni jekk dan jitlef ħajtu? Nistennew u nkomplu nsegwu din l-istorja."

Peppi jirringrazzja lill-uffiċjali tal-ħabs illi jifhmu dawn il-problemi u li juru simpatija u solidarjetà ma' dawn it-tip ta' nies fil-ħabs. Itemm billi jsostni li post dawn il-persuni mhuwiex il-ħabs: "In-nies li jieħdu d-droga u n-nies li huma morda posthom mhuwiex fil-ħabs."


Filmat u editing: Mandy Micallef Grimaud

No comments:

Post a Comment