Saturday, 22 July 2017
BIL-FILMATI: Mill-kamra tagħha għal vidjow ma' Ira Losco
Ira Losco ħarġet il-kanzunetta Oh My God u fih spikka s-sehem tal-kantanta Shyli Cassar.
Għal min ma jafx, is-sena l-oħra Shyli ħarġet d-diska 'Il-Patt' li f'ġurnata rawha 'l fuq minn 200,000 ruħ. Din il-kanzunetta kienet kitbitha Shyli stess u ma' Xarabank kienet spjegat il-ħsieb wara din id-diska: "Ta' sentejn kont tlift lil missieri. Kont irribellajt għax xtaqt li kelli ċ-ċans li jkolli missier bħal ħaddieħor."
Però din ma kinitx l-unika kanzunetta li Shyli kitbet b'messaġġ qawwi. F'kanzunetta oħra ddedikata lil ommha, Shyli kienet espremiet kliem li ma tantx tistennieh minn tfajla ta' 16-il sena. Fuq Xarabank kienet fissret il-messaġġ wara din il-kanzunetta: "Ta' 14-il sena kont tqila b'tarbija u sirt omm. Minħabba li tlift lil missieri, ir-rabja kienet kibret fija u kont waqajt f'dipressjoni. Kont nagħmlilha ħafna kummiedji lil ommi u bl-affarijiet li kont nagħmel kont inweġġagħha. Però llum il-ġurnata jiena omm u nagħraf il-ħażen li kont nagħmel."
Minn tfajla tkanta quddiema kamera fil-kamra tagħha, illum lil Shyli qed narawha fil-vidjow mużikali ta' Ira Losco. Aħna tkellimna ma' Shyli li tispjegalna kif ġiet avviċinata għal din id-diska: "Bagħatli Howard Keith Debono u staqsieni biex nipparteċipa f'diska ma' Ira Losco. Bla dubju ta' xejn ħtaf l-opportunità u aċċettajt." Shyli tiddeskrivi din l-esperjenza bħala waħda unika: "Kienet esperjenza sabiħa ħafna u differenti għax ħdimt ma' Ira. Din kienet opportunità li mhux ħa tiġik kuljum."
Tispjega kif damu ġimgħa jaħdmu sew fuq id-diska: "Jiena u Ira ppreparajna ħafna għaliha billi ltqajna u flimkien qagħdna nirrekordjawha."
"Kelli reazzjoni tajba ħafna. Id-diska għamlet hit u mxiet sew," tgħid Shyli. Iżżid tgħid li din id-diska ntlaqet ħafna min-nies u ħafna kienu dawk li kitbu kummenti pożittivi fuq il-midja soċjali. Shyli tistqarr li għandha ħafna affarijiet li tixtieq tagħmel fil-futur fix-xena mużikali. Ittemm tgħid li din l-esperjenza kienet ta' mbuttatura biex tkompli tikber f'din il-karriera.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment