best deal

Wednesday, 5 July 2017

BIR-RITRATTI U L-FILMAT: Ara x'ġara lbieraħ quddiem il-Parlament


Ilbieraħ filgħaxija, quddiem il-Parlament il-Belt inġabru ċorma nies biex jagħmlu protesta siekta kontra l-liġi taż-żwieġ ugwali.

In-nies, li kienu ġejjin minn diversi organizzazjonijiet, fosthom il-Gift of Life u l-Partit tal-Patrijotti Maltin kienu qed jipprotestaw kontra l-fatt li l-liġi kif hemm ċans li titgħadda hija differenti mil-liġi kif ġiet proposta li tiġi emendata fil-programmi elettorali taż-żewġ partiti l-kbar.

"Qabel l-Elezzjoni, il-partiti wegħdu biss bidla fl-isem...minn unjoni ċivili għal żwieġ...imma issa fil-Parlament qed jiddiskutu bidliet fundamentali fit-tifsir tal-kliem li bihom nirreferu għall-familji tagħna," bdew jinsistu n-nies li nġabru quddiem il-Parlament. "Il-familja tradizzjonali sawret il-poplu Malti għal ġenerazzjonijiet sħaħ u sawritna b'kultura sabiħa, u dik ma nistgħux narmuha."

"Jekk se nneħħu t-termini 'omm' u 'missier' mil-liġijiet tagħna, se nkunu qed nagħmlu ħsara kbira lil uliedna," qalet Dr Miriam Sciberras.


Il-persuni li marru jipprotestaw kellhom diversi tabelli f'idejhom, u b'dawn it-tabelli kienu qed jinkoraġġixxu lill-membri parlamentari li kienu deħlin il-parlament biex jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom, u mhux skont kif qalilhom biex jivvutaw il-partit tagħhom.

Paul Vincenti, li huwa l-President tal-għaqda Gift of Life Malta, qalilna li minkejja li n-numru ta' nies li ġew jiprotestaw huwa żgħir, il-vuċi tagħhom tirrappreżenta l-vuċi ta' eluf ta' nies li stħaw jew beżgħu jiġu, jew ma kellhomx ċans isiru jafu b'din il-protesta.



"Jiena għandi kuxjenza mistrieħa li f'din il-ġurnata fl-istorja jiena u sħabi se nibqgħu mniżżlin bħala dawk in-nies li nġbarna hawn għax skont il-kuxjenza tagħna nemmnu li dak li qiegħed jiġi propost f'din il-liġi mhuwiex tajjeb," temm jgħidilna Paul Vincenti.

Dawn in-nies bdew jinġabru quddiem il-Parlament għall-ħabta tas-6:30pm, u ftit wara tfaċċat ukoll Gaby Calleja, President tal-MGRM u attivista għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Għall-bidu, Gaby żammet lura u għażlet li tosserva kollox mill-bogħod, però wara ftit tal-ħin iddeċidiet li tersaq eqreb lejn iċ-ċorma tan-nies. Malli ndunaw li kienet hemm, diversi persuni li kienu bit-tabelli f'idejhom marru jkellmuha.



"Nifhem li dawn in-nies għandhom kull dritt li jiġu jsemmgħu leħinhom," qaltilna Gaby, "u jiena stess irrid li nipproteġilhom dan id-dritt. Imma nista' nassigurahom li xejn minn dak li hemm fil-liġi l-ġdida mhu se jaffettwa lis-soċjetà, lill-familja jew lit-tfal tagħna."


Dawn huma ftit mill-mumenti li ħakmu l-cameras tar-ritratti tagħna waqt li konna hemm ilbieraħ.











Ritratti u Filmati: Xandru Azzopardi u Andrew Borg Carbott
Editing: Xandru Azzopardi

No comments:

Post a Comment