best deal

Friday, 7 July 2017

ESKLUSSIVA: "Ġranet qabel kont avżajthom li hemm ir-riskju li l-impjant jieħu n-nar"


Fit-22 ta' Mejju li għadda seħħet dik li x'aktarx kienet waħda mill-akbar traġedji kkawżati min-nirien f'Malta. L-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant' Antnin ħa n-nar u l-parti fejn jiġi pproċessat l-iskart riċikabbli tista' tgħid li nqerdet għalkollox.

Wara li tkellem man-nies li joqogħdu fil-post u għamel l-investigazzjoni tiegħu, illum Xarabank qed jippubblika intervista esklussiva ma' *Bernard Borg, resident minn Marsaskala, li ftit jiem qabel ma ħa n-nar l-impjant ta' Sant' Antnin, induna li l-impjant kien f'riskju li jieħu n-nar u beda javża lill-awtoritajiet, imma jidher li ftit li xejn taw widen għal dak li qalilhom.



Bernard, li qiegħed jistudja l-management ma' Università barranija, minħabba l-viċinanza tar-residenza tiegħu mal-impjant ta' Sant' Antnin qiegħed f'pożizzjoni li josserva l-operat ta' dan l-impjant kuljum. Madwar 7 snin ilu, Bernard beda jinnota l-ewwel sinjali li kienu jindikaw li kien hemm ir-riskji fl-impjant ta' Sant' Antnin, u ġimgħat biss qabel ma l-impjant ħa n-nar, Bernard bagħat diversi emails lill-Wasteserv, lill-Ministeru tas-Saħħa, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Kunsill Lokali ta' Marsaskala, lil Joseph Muscat, Simon Busuttil, Arnold Cassola, Marlene Farrugia u lil diversi persuni oħra fil-MEPA u fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jieħdu azzjoni dwar dawn ir-riskji.

Aħna għandna dawn l-emails kollha, u qed nagħżlu li nippubblikaw uħud minnhom hawn taħt f'dan l-artiklu.




F'dawn l-emails kien qed jgħidilhom li mill-osservazzjoni li għamel, il-perikli huma ikbar minn impjanti simili minħabba li l-materjal riċikabbli kien qiegħed jiġi maħżun viċin ħafna tal-faċilità li tipproduċi l-gass.

Fil-ġimgħat ta' qabel ma seħħ l-inċident, saħansitra ġibdilhom l-attenzjoni għal inċidenti simili oħra li ġraw fl-Istati Uniti, l-Ingilterra, l-Italja, u Ħal Far stess.

Bernard induna bir-riskji li hemm ġol-impjant wara li għamel ħafna riċerka u qagħad jinnota kif inhuma mqegħdin l-affarijiet fl-impjant minn fuq Google Maps.

Ma' Xarabank Bernard spjegalna li qajjem id-dubji tiegħu dwar is-sigurtà tal-impjant anke f’laqgħat ta’ diskussjoni fi żmien meta l-impjant kien qed jiġi rrinovat. Però riċentament Bernard ħass il-ħtieġa li jressaq iktar l-ilmenti tiegħu minħabba li fil-ġranet ta’ qabel ma seħħ l-inċident tal-impjant, maħżen ta' materjal riċikabbli f'Ħal Far ħa n-nar u seħħew ukoll inċidenti simili barra minn xtutna.

“Meta rajt li kien hemm diversi inċidenti fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit, fl-Italja u anke f’Ħal Far, bgħatt diversi imejls fosthom lis-CEO tal-Wasteserv fil-5 ta’ Mejju, lill-partiti politiċi kbar fl-14 ta’ Mejju u lill-Protezzjoni Ċivili fl-1 ta’ Mejju." (Ritratt 1)


Ritratt 1: L-imejl mibgħuta lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Fit-28 ta’ April ta' din is-sena, Bernard kien bagħat email lill-Awtorità tal-Ippjanar, u fiha kienu kkuppjati l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u s-CEO tal-Wasteserv, li ilu jikkorrispondi magħhom għal snin twal kif wieħed jista' jara mir-ritratti (Ritratt 2). Fiha jistqarr li ħassu mħeġġeġ jikteb dwar ir-riskji li hemm fl-impjant ta’ Marsaskala minħabba li l-materjal riċikabbli jista’ potenzjalment jieħu n-nar.


Ritratt 2: L-imejl lill-Awtorità tal-Ippjanar


Fil-5 ta’ Mejju Bernard reġa’ kiteb, din id-darba lis-CEO tal-Wasteserv, u fiha kien ikkuppjat il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil u uffiċjali oħra fil-MEPA. Fiha ġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar in-nar li ħakem depot tar-riċiklaġġ għall-materjal tal-plastik f’Pomezia f’Ruma u b’diversi eżempji saħħaħ l-argument tiegħu kif l-istess sitwazzjoni tista’ tiġri fl-impjant ta’ Marsaskala kif fil-fatt seħħ ġimagħtejn wara.

Għal din l-imejl, is-CEO tal-Wasteserv fost oħrajn stqarr li qed jieħdu l-prekawzzjonijiet kollha. Qallu li qed jagħmlu risk assessments u li kontinwament qed itejbu l-operazzjonijiet tal-impjant minn meta dan sar jaqa’ taħthom (Ritratt 3 u 4).


Tmint ijiem biss qabel ma seħħ id-diżastru f’Marsaskala, Bernard reġa' kiteb lil Dr Joseph Muscat, lil Dr Simon Busuttil, lill-Professur Arnold Cassola u lil Marlene Farrugia u stqarr magħhom dak li ilu għaddej minnu bħala resident li joqgħod viċin l-impjant għal dawn l-aħħar 7 snin u saħaq il-perikli li jħaddan dan l-impjant, fosthom l-allegati rwejjaħ tossiċi (Ritratt 5).


Ritratt 3: L-imejl mibgħuta lis-CEO tal-Wasteserv

Ritratt 4: L-imejl mibgħuta lil Bernard mingħand is-CEO tal-Wasteserv

Bernard kien ikkorrisponda wkoll ma’ Dr Joseph Muscat qabel ma l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, proprju fl-2010 (Ritratt 6), fejn ġie kkuttatjat mill-uffiċċju tiegħu għal appuntament. Bernard ikkorrisponda b'emails ma’ Dr Lawrence Gonzi fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern. Kif tixhed l-email, Dr Gonzi tkellem ukoll mil-lenti ta’ resident li wkoll jgħix ftit passi ’l bogħod mill-impjant u stqarr li mhux konxju tal-allegati rwejjaħ tossiċi li Bernard kien qed jilmenta li ġejjin mill-impjant (Ritratt 7).




Ritratt 5: Imejl mibgħuta lil Joseph Muscat, Simon Busuttil, Arnold Cassola u Marlene Farrugia

Meta mistoqsi jekk qattx ittieħdu xi azzjonijiet, Bernard isostni li l-uniku titjib li sar kien dwar l-intiena tal-iskart domestiku, għax "l-inkonvenjenzi l-oħrajn għadhom hemm."


Dan għaliex skont Bernard kien hemm problema oħra bl-impjant. Mhux biss kien f'riskju li jieħu n-nar, imma wkoll, għal diversi snin, mill-impjant allegatament kienu u għadhom joħorġu diversi rwejjaħ. Bernard jemmen li dawn l-irwejjaħ huma tossiċi u qed jagħmlu ħafna ħsara lilu u lir-residenti l-oħra.

"Dik kienet kwistjoni oħra, dawk kienu rwejjaħ oħra," qalilna Bernard. "M'għandhomx x'jaqsmu mal-irwejjaħ li bdew ħerġin wara li l-impjant ħa n-nar."

Rigward dawn l-irwejjaħ l-oħra, Bernard qalilna li mhux darba jew tnejn hu u l-familja tiegħu jqumu bil-lejl bi griżmejhom juġgħuhom u b'nifishom maqtugħ minħabba l-intiena li tkun ħierġa mill-impjant. "U jkollna nagħlqu t-twieqi, anke fis-sajf, minħabba dawn l-irwejjaħ," qalilna.

Imma mmorru lura għall-istorja ta' kif l-impjant ħa n-nar...


Ritratt 6: Imejl mibgħuta lil Bernard* mibgħuta mingħand Dr Muscat


Ritratt 7: Imejl mibgħuta lil Bernard* mingħand Dr Gonzi


Fit-22 ta’ Mejju, dakinhar li seħħ l-inċident, Bernard ra l-ewwel dħaħen mit-tieqa tiegħu u assuma x’kien se jiġri: “99% kont l-ewwel wieħed li ċempilt l-emerġenza għax mill-ewwel bsart bil-gravità tas-sitwazzjoni u immedjatament bdejt nieħu r-ritratti u l-filmati bħala evidenza.” 

Iżid jgħid: “Li kieku r-riħ kien bil-kontra, kienet isseħħ traġedja ikbar għax fuq wara tal-istruttura hemm it-tankijiet tal-gass, u r-riħ kien imexxi n-nar lejn it-tankijiet u jagħmel straġi akbar."


Ritratt li ħa Bernard* meta l-Impjant beda jaqbad
Bernard iżid jgħid ukoll li matul iż-żmien ilmenta dwar l-istorbju li jiġi mill-makkinarji u l-vetturi użati fl-impjant lejl u nhar.

L-ilmenti tressqu għand numru ta’ awtoritajiet u fil-fatt Bernard jelenkahom: “Ressaqt l-ilmenti tiegħi lill-Wasteserv, lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, lill-MEPA, lill-kapijiet tal-partiti politiċi u membri oħra f’dan il-kamp, lill-awtoritajiet tas-saħħa u lill-Unjoni Ewropea. Kollha jafu bl-ilmenti tiegħi.” 

Minbarra n-numru ta’ emails li bagħat, Bernard jgħid li ressaq l-ilmenti f’diversi laqgħat. “Kelli numru ta’ okkażjonijiet li fihom iltqajt mal-persuni kkonċernati u għedtilhom bl-ilmenti tiegħi, apparti laqgħat oħra tal-Kunsill Lokali, laqgħat privati magħhom u anke f’laqgħat oħra mal-Kunsill Lokali, mas-CEO tal-Wastersev, mal-Ministeru tas-Saħħa u anke mal-MEPA.”




Bernard jitkellem ukoll dwar l-effett li qed iħalli warajh l-inċident tax-xahar li għadda. “Il-ħruq li seħħ fl-impjant żied din il-problema ta’ riħ tossiku ġej mill-ħruq tal-plastik u minn materjal ieħor. L-uniċi struzzjonijiet li għandna mid-Dipartiment tas-Saħħa huma li nżommu t-twieqi magħluqa, anke fi żmien meta t-temparatura qed tilħaq it-30 grad u anke meta m’għandniex air-conditionerLanqas biss kienu konxji li d-duħħan għadu ħiereġ mill-istruttura, aħseb u ara kemm qed jimmoniterjaw is-sitwazzjoni u jipprovdu avviż tajjeb (Ritratt 8).”

B’dispjaċir kbir, Bernard jgħid li sal-lum il-ġurnata l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma tawhx informazzjoni dwar l-impatt tal-inċident, apparti l-istruzzjonijiet li tawhom biex iżommu t-twieqi magħluqa. Jistqarr ukoll li l-awtoritajiet u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qatt ma kkunttatjawhom direttament minn meta ġara l-inċident. 

“Ħadd ma ġie jara kif aħna jew jekk għandniex bżonn xi ħaġa minn wara l-inċident." 

Jispjega kif f'korrispondenza li s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta lill-Uffiċjal Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali spjega li l-impjant ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill iżda hemm rappreżentant fil-bord tal-moniteraġġ.

Bernard iżid jgħid li s-Segretarju Eżekuttiv spjega kif fit-22 ta' Ġunju li għadda kiteb biex jiltaqa' l-bord, li ilu ma jiltaqa' 'l fuq minn sena, u stqarr ukoll il-ħtieġa li l-Kunsill għandu jiltaqa' mal-Ministeru responsabbli (Ritratt 9).

Ritratt 8: Imejl mibgħuta lil Dr Fearne mingħand Bernard*


Ritratt 9: Imejl mibgħuta mis-Segretarju Eżekuttiv lill-Uffiċjal Eżekuttiv
Bernard jitkellem dwar il-periklu tal-inċident fuq il-prodotti tal-ikel u fuq l-ambjent tal-madwar: “Sadanittant, eżatt wara l-inċident il-prodotti agrikoli kienu għadhom qed jitkabbru fiż-żona u jinbiegħu u jittieklu, u l-park tal-familja kien għadu miftuħ minkejja li d-dħaħen kienu għadhom ħerġin.” 

Jispjega li f'korrispondenza mad-Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni mill-Mard, din spjegatlu li d-Direttur għas-Saħħa Ambjentali infurmah li saret spezzjoni immedjata fl-impjant u f'diversi toroq fil-qrib tiegħu u kif ma ġiet innotata l-ebda riħa (Ritratt 10). Il-problema, kif jispjega Bernard, hi li l-ispezzjonijiet kienu qegħdin isiru filgħodu u mhux waranofsinhar meta l-materjal ikun reġa' saħan wara ġurnata xemx. 
Ritratt 10: Imejl mibgħuta minn Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni mill-Mard lid-Direttur għas-Saħħa Ambjentali


"Għedtilhom li dik il-lejla d-dħaħen tant kienu qawwija, li wara t-8:00pm ċempel l-emerġenza li għall-ewwel irrifjutaw li jieħdu azzjoni, iżda fuq l-insistenza tiegħu ġiet karozza tat-tifi tan-nar u tfiet id-dħaħen," jispjegalna Bernard (Ritratt 11).


Ritratt li juri kif id-duħħan għadu ħiereġ mill-Impjant



Ritratt 11: Imejl mibgħuta minn Bernard lid-Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni mill-Mard u lis-Segretarju Permanenti għas-Saħħa


Bernard itemm billi jitkellem dwar l-iljieli li jgħaddi minnhom. “Sal-lejl li għadda għaddejna minn martirju ieħor fejn kellna nagħlqu t-twieqi, u din mhijiex sitwazzjoni ideali, apparti il-ħsara li qed nagħmlu lil saħħitna."


*L-isem tal-persuna li tatna l-intervista huwa vvintat biex nipproteġu l-identità tagħha.

Ritratti u filmat: Claire Bonello

No comments:

Post a Comment