Wednesday, 12 July 2017
ESKLUSSIVA: Il-kumment tal-Prim Ministru ftit minuti wara li għaddiet il-liġi taż-żwieġ ugwali
F’kumment esklussiv lil Xarabank, il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat qal: “Dan l-iżvilupp għal Malta jfisser li aħna lkoll indaqs. Ifisser li ħa jkun hawn min ħa jkollu bżonn din il-liġi biex jesprimi mħabbtu. Imma ħa jkun hemm Maltin u Għawdxin li għadhom ma twildux illum jew tfal li l-ġenituri tagħhom jgħidulek li din il-liġi m’għandniex xi rriduha , iżda li għada pitgħada ħa jkollhom bżonnha. Għalhekk l-ugwaljanza u għalhekk aħna iktar ugwali. Hija riflessjoni ta’ soċjeta’ matura għaliex qed ninfetħu dejjem għal iktar nies.”
Żied jgħid: “Fadal x’nagħmlu u fadal xi jsir. L-ugwaljanza bejn nisa u rġiel għadna ma wasalniex f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rappreżentanza, pagi u setturi oħra tas-soċjeta’ fejn irridu naħdmu ħafna iktar biex kulħadd ikollu l-istess opportunita’ fil-ħajja. Il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili, Helena Dalli qaltilna: “Din hija liġi li kont ilni ngħid li għandha ssir. Allura ngħid li qegħdin tard illi li nwassluha għaliex kien hawn ċittadini bħali u bħalek illi ma kellhomx id-drittijiet li għandna aħna. Jiena ma naħsibx li minħabba l-mod kif titwieled għandu jaffettwalek f’ħajtek jekk għandekx ikollok id-drittijiet bħal kulħadd. Issa li għaddiet jiena sodisfatta. Aħjar tard milli qatt. Għall-inqas issa għandna iktar ugwaljanza fis-soċjeta’ tagħna.”
Ritratt, filmati u editing: Andrew Borg Carbott
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment