Dan huwa Charlie Gard. Tarbija ta' 11-il xahar li tbati minn kundizzjoni ġenetika rari.
Fix-xhur li għaddew, l-isptar Ormond Street fl-Ingilterra kien issuġġerixxa li jintfew il-magni ta' dan iċ-ċkejken ta' 11-il xahar. Dan għaliex l-isptar qal li ma fadalx kura għalih. Il-ġenituri tiegħu talbu li jieħduh l-Istati Uniti għat-trattament iżda din it-talba ġiet miċħuda diversi drabi.
Ilbiraħtlula wasal Dr Michia Hirano, it-tabib li se jiddeċiedi jekk it-tifel immurx l-Istati Uniti għall-kura esperimentali fl-Istati Uniti. Bħall-bieraħ ġimgħa, il-Maġistrat se jieħu d-deċiżjoni finali fuq il-futur tat-tarbija.
Hawn Malta tqajmu diversi diskussjonijiet u għalhekk aħna tkellimna ma' Fr Emmanuel Agius, Professur tat-Teoloġija Morali u tal-Etika Filosofika. Jispjega li fl-Ingilterra jkollhom diversi każijiet u l-qrati dejjem ħadu inkonsiderazzjoni l-interess tal-minorenni. "Ma jfissirx li l-qrati fl-Ingilterra ma jagħtux kas il-ġenituri iżda jaraw x'inhu l-aħjar interess tal-minorenni," jispjega Fr Emmanuel.
Huwa jagħmel referenza għall-każ ta' Gillick, fejn it-tfal kienu minorenni ta' bejn sena u tlettax-il sena, u l-omm irrifjutat li wliedha jieħu l-kontraċettivi. "F'dan il-każ, minkejja li l-ġenituri ma riedux, il-Qorti ddeċidiet li kien fl-aħjar interess tat-tfal li jieħduhom minħabba l-istil tal-ħajja li kienu qed jgħixu."
Dwar il-każ ta' Charlie Gard, Fr Emmanuel jispjega: "Il-ġenituri mhux qed jiġu injorati imma hemm sentenza tal-Qorti, tal-appell u tal-Qorti Ewropea li qed jgħidu li l-kura f'dan il-każ mhux se tgħinu minħabba l-kundizzjoni tiegħu."
Huwa jsaħħaħ dan b'eżempju: "Immaġina xi ħadd kbir li l-qraba jridu li dak il-pazjent jagħtuh l-kura bilfors, meta t-tim mediku qed jgħid li l-kura hija inutli." Iżid jgħid li l-ġenituri jixtiequ li jibagħtuh l-Amerika biex jingħata kura li tfal oħra kienu fiequ biha, però l-Qorti qed tgħid li mhux se taħdem fuq Charlie għax il-każ tiegħu huwa differenti.
No comments:
Post a Comment