best deal

Thursday, 13 July 2017

Il-Knisja ttenni l-impenn tagħha favur żwieġ bejn raġel u mara



Wara li lbieraħ fil-Parlament għaddiet il-liġi taż-żwieġ ugwali, il-Knisja ssostni li ż-żwieġ jibqa' dejjem ir-rabta esklussiva bejn raġel u mara.


Fi stqarrija, l-isqfijiet ta' Malta u Għawdex qalu li ż-żwieġ bejn raġel u mara hu miftuħ għat-tnissil tal-ulied. Żiedu jgħidu li dan iż-żwieġ hu l-mudell li dejjem ħaddnet l-umanità u mhux biss il-viżjoni Nisranija taż-żwieġ. Spjegaw li l-liġi twarrab id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara. Spjegaw li s-soċjetà tiftaqar għaliex minflok taċċetta d-diversità, timponi uniformità fil-mod kif ikunu espressi r-relazzjonijiet.

Madankollu l-isqfijiet qalu li l-Knisja tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità ta' kull persuna, ikunu xi jkunu l-għażliet li tagħmel f'ħajjitha u r-relazzjonijiet li tħaddan. Stqarrew li għall-Knisja, kull persuna hi għażiża u tibqa' għażiża għax hija maħluqa xbieha ta' Alla. Żiedu jgħid li l-Knisja hija impenjata wkoll li tibqa' tilqa', takkumpanja u tgħin lil dawk il-persuni li jagħżlu jgħixu l-ħajja tagħhom f'kuntest differenti minn dak taż-żwieġ Nisrani.

Qalu li l-Knisja qed tittama li din il-liġi ma tkunx segwita b'miżuri oħra li jnaqqsu mid-dinjità tal-ulied, bħall-kiri tal-ġuf u d-donazzjoni tal-gameti. Qalu li l-Knisja tappella lis-soċjetà biex tibqa’ tagħraf li l-ulied huma don li għandu jkollhom dejjem l-ambjent addattat fejn jitnisslu, jitwieldu u jikbru b’mod seren u b’ħafna mħabba, u li l-vuċi tagħhom tinstema’ b’mod qawwi fis-soċjetà Maltija.

Temmew jgħidu li quddiem din ir-realtà, il-Knisja, kif għamlet dejjem, bl-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu f’idejha, se tkompli taħdem biex jissaħħu ż-żwiġijiet u l-familji f’pajjiżna, u tibqa’ turi l-apprezzament lejn tant ommijiet u missirijiet li qed jitħabtu biex jgħixu b’fedeltà l-missjoni insostitwibbli tagħhom u jiddedikaw ħajjithom għal uliedhom.

Ritratt: The Spruce

No comments:

Post a Comment