Il-persuni li huma coeliac jistgħu jitqarbnu bl-inbid jew bl-ostji li huma low-gluten imma mhux bla glutina.
Fil-jiem li għaddew, il-Vatikan bagħat ittra lill-Isqfijiet dwar l-ostji li jintużaw għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Wara li ħarġet din l-ittra, fuq il-midja soċjali ħafna ħasbu li din se twaqqaf lill-persuni li huma coeliac milli jitqarbnu.
Imma kif inhi s-sitwazzjoni ta' tqarbin għall-persuni li huma coeliac? Xarabank tkellem ma' James Grima, membru tal-Assoċjazzjoni Maltija tas-Coeliac, li jwieġeb: "L-ostji jinxtraw minn min hu coeliac u dawn iridu jkunu magħmula mill-qamħ. Minħabba l-kundizzjoni, il-kontenut tal-glutina jrid ikun inqas minn 20ppm jew inqas minn 100ppm. Qabel ma persuni coeliac ikunu jistgħu jitqarbnu, hemm bżonn li l-knisja fejn se jitqarbnu tkun avżata u l-persuni għandhom jixtru ostji li huma approvati mis-Santa Sede."
James ikompli jispjegalna: "Dakinhar tal-quddiesa l-ostji jitqiegħdu fuq l-altar biex jiġu kkonsagrati f'kontenitur appost li s-coeliacs jixtru għall-użu personali tagħhom. Iċ-ċelebrant irid jiġi avżat minn qabel u infurmat jekk il-persuna hux se titla' titqarben l-ewwel jew l-aħħar."
L-ittra li ntbagħtet lill-Isqfijiet ma ħoloqx differenza għaliex is-sitwazzjoni tat-tqarbin baqgħet l-istess għal min hu persuna coealic: "L-ittra nħarġet biss biex tikklarifika l-pożizzjoni tal-Knisja fuq ostji mingħajr glutina li nħarġet fl-2005." Fil-fatt, fi stqarrija l-Kurja ta' Malta wkoll enfasizzat li mhux se jkun hemm l-ebda tibdil fl-ostji li jintużaw diġa' minn persuni coeliac.
Madankollu xorta kien hemm reazzjoni mill-persuni coeliac: "Ir-reazzjoni ġenerali li rajna kienet waħda ta' konfużjoni, speċjalment fuq il-midja soċjali. Fl-opinjoni tagħna dan iktar dovut għal kif ġiet irrapportata l-istorja milli għall-istqarrija nfisha."
James ittemm jgħid li persuna coeliac tista' titqarben ukoll bl-inbid: "Persuni coeliac jistgħu jitqarbu bil-metodu li semmejna qabel imma importanti li nsemmu wkoll li dejjem hemm l-għażla li jitqarbnu wkoll bl-inbid.
Ritratt: catholic-ew.org.uk
No comments:
Post a Comment