Illejla, fid-9pm fuq TVM se jibda programm ġdid jismu Tough Luck. Huwa game show ibbażat kollu kemm hu fuq kemm int fortunat, u l-akbar differenza li għandu minn game shows oħra huwa li r-rigal li tixtieq tirbaħ tagħżlu int.
Normalment, meta tapplika għal game show tmur tilgħab u jekk tirbaħ, tirbaħ ir-rigal li jkunu għażlu minn qabel il-producers tal-programm. Imma f'dal-programm, meta tapplika, inti tagħżel ir-rigal li tixtieq tirbaħ u tmur tilgħab biex tirbaħ dak ir-rigal.
"In-nies ikunu jridu minn kull xorta ta' affarijiet," jispjega PJ Vassallo Mintoff, li huwa wieħed mit-tim tal-programm. "Min ikun irid rigal żgħir, min rigal kbir, u min rigal kbir ħafna, u ġeneralment ikunu affarijiet li tixtieq taqlagħhom bħala rigal imma ma tkunx lest li tixtrihom int, għax tarahom ħela ta' flus."
F'kull programm jilagħbu tliet kontestanti u l-kontestanti tal-lejla kollha għandhom storja li ma titwemminx.
Fost l-oħrajn se tilgħab mara li għal snin twal kienet taħseb li missierha mejjet. Issa skopriet li għadu ħaj u qed tfittxu. Kontestanta oħra hija mara li minn dejjem kellha piż żejjed u ddeċidiet li trid tibda dieta stretta wara li hi u bintha kienu mexjin, kienet se ttajjarhom karozza, hi imbuttat lil bintha biex issalvalha ħajjitha, u d-daqqa tal-karozza ħaditha hi.
U l-kontestant l-ieħor huwa żagħżugħ li qed joħroġ ma' tfajla b'diżabilità. It-tfajla tiegħu tixtieq tibda tagħmel il-kejkijiet u llejla se jkun fil-programm biex jipprova jirbaħ sett ta' affarijiet li għandek bżonn biex tagħmel il-kejkijiet...biex jagħtih lit-tfajla tiegħu.
![]() |
Nadia, Ruth u Daniel - it-3 kontestanti li se jilagħbu fl-ewwel programm illejla |
Fil-programm hemm 6 teżori. Fi 3 teżori hemm it-tliet rigali li jridu t-tliet kontestanti. Fit-tliet teżori l-oħra hemm tliet rigali redkoli li ħadd ma jkun jixtieq jirbaħ.
Kull parteċipant jagħżel teżor u jgħaddi minn sensiela ta' rounds li jwassluh biex bil-mod jikxef x'hemm fit-teżor tiegħu, u eventwalment x'hemm fit-teżori l-oħra. Matul ir-rounds il-kontestanti jkunu qed jirbħu diversi rigali oħra imma wkoll ikunu qed jissugraw li jitilfu kollox.
Il-kontestanti jistgħu jagħżlu li jibdlu t-teżori, jitkeċċew mill-programm jew ikeċċu kontestant ieħor mill-programm, fost l-oħrajn.
![]() |
Angie Laus, il-preżentatriċi u producer tal-programm Tough Luck |
"Finalment, aħna nawguraw lill-kontestanti kollha good luck, u mhux tough luck!"qaltilna Angie Laus bi tmissima.
No comments:
Post a Comment