best deal

Sunday, 9 July 2017

Jiżżewġu u jiddeċiedu li jmorru l-missjoni għall-honeymoon

Catherine u Albert jiżżewġu (Ritratt: Rene Rossignaud)
Ix-xahar li għadda, Catherine u Albert Sciberras iżżewġu u għall-honeymoon se jmorru l-Kenja għall-missjoni.



Albert jerfa' lil Catherine (Ritratt: Rene Rossignaud)
Kemm Catherine u kemm Albert huma minn San Ġorġ Ħal Qormi u kien proprju grupp f'raħal twelidhom li laqqagħhom ma' xulxin: "Albert kien jaf bija ferm qabel ma ltqajna għax ġieli rani r-raħal u mid-dehra kont nogħġbu sew għax dam sena u nofs jiġri warajja," tgħidilna Catherine b'nofs tbissima. Iżżid tgħid: "Iltqajna fl-2007, fil-grupp taż-żgħażagħ Link Youth u sena wara sirna ħbieb sew, tant li spiċċajna fl-istess klikka ta' ħbieb u mbagħad tliet snin wara bdejna noħorġu flimkien."


Mill-knisja sas-sala tat-tieġ marru bil-mutur (Ritratt: Rene Rossignaud)
Imma min ippropona lil min? Catherine tirrakkontalna kif fl-2013 Albert kien taha ċ-ċurketta bla ma staqsieha l-mistoqsija: "Konna quddiem it-Tieqa tad-Dwejra ma' grupp ta' ħbieb u Albert tani ċ-ċurkett iżda ma kienx staqsieni jekk irridx niżżewġu. Però jumejn qabel b'ċajta kien staqsieni jekk irridux immorru niffissaw il-ġurnata taż-żwieġ u morna. Imbagħad il-mistoqsija għamiltha jiena 800 jum qabel ma żżewiġna. Kont xtrajtlu flixkun whisky, staqsejtu u t-twieġba tiegħu kienet iva." U meta qal iva, tgħid il-flixkun kien xorbu?
Catherine u Albert ħerġin mill-knisja  (Ritratt: Rene Rossignaud)
Imma kif iddeċidew li jmorru għall-missjoni? "Kull sena sħabna tal-Mzungu Mission imorru l-missjoni u fl-2015 tħajjarna nitilgħu magħhom l-Afrika imma peress li konna għadna kemm nixtru l-post, konna iddeċidejna li aħjar naqbżuha. Però minkejja li ma tlajniex magħhom, bqajna ngħinuhom fl-attivitajiet ta' matul is-sena li jsiru biex jinġabru l-flus," tispjegalna Catherine. 

Għall-ewwel kienu bit-tir li għall-honeymoon imorru Sardenja iżda Catherine tgħidilna li minħabba li Albert iddejqu x-xemx ma tantx kien konvint li se jirnexxielu jagħmel ġimgħa sħiħa fix-xemx u b'hekk inbidel il-pjan. "Wara Albert staqsieni jekk sħabi humiex sejrin l-Afrika u ċċekkjajt ma' Olwyn, waħda mill-grupp tal-Mzungu Mission, u qaltli li din is-sena se jmorru. L-għada kellhom laqgħa, morna għaliha u ħriġna minnha deċiżi li sejrin magħhom," tgħidilna Catherine,


Ritratt: Mzungu Mission ibigħu l-kejkiet b'risq il-missjoni f'Ħal Qormi
Catherine u Albert, flimkien mal-kumplament tal-grupp, se jitilqu għal din l-avventura f'nofs Awwissu u matul dawk it-tliet ġimgħat se jkunu qed jirranġaw binja, fosthom klinika u klassi, għall-komunità ta' Wema fil-Kenja.

Sir af iktar dwar Mzungu Mission u l-attivitajiet li saru matul is-snin billi tidħol fuq Mzungu Mission.


Ritratt: Muzungu Mission fil-Kenja

Ritratti tat-tieġ: Rene Rossignaud

No comments:

Post a Comment