Wednesday, 19 July 2017
"Kieku tlajt fil-Parlament Malti, probabbli ma kontx nagħżel li mmur MEP fi Brussell"
Francis Zammit Dimech jgħid li kieku ġie elett bħala deputat, probabbli ma kienx jitfa' n-nomina tiegħu f'din l-elezzjoni u jagħżel li jservi fil-Parlament Malti.
Ma' Xarabank, Francis Zammit Dimech jibda billi jirringrazzja lill-poplu Malti: "L-ewwel kumment tiegħi huwa ta' ringrazzjament lejn l-poplu Malti talli esprima din il-fiduċja fija. Jiena nilqa' din il-fiduċja b'sens ta' umiltà u b'sens kbir ta' dover."
Jistqarr ukoll li l-pjan tiegħu huwa li jservi lill-poplu Malti għaliex il-Parlament Ewropew huwa verament ta' dan il-poplu. Żied jgħid: "Hemmhekk irrid nagħmel dak kollu li nista' noffri biex b'mod dinjituż nirrappreżenta lill-poplu f'din l-istituzzjoni tant importanti għal pajjiżna."
Zammit Dimech jispjega x'ħass meta ma telax bħala deptutat: "Fil-ħajja pubblika u fil-ħajja politika tidra l-mumenti iktar diffiċli u l-mumenti li jkunu ta' sodisfazzjon ikbar u li jkunu isbaħ. Dak il-mument jirrappreżenta mument diffiċli imma dan il-mument jirrappreżenta mument li huwa ta' sodisfazzjoni kbir u ta' ferħ, u fl-istess ħin iġib miegħu sfidi ġodda biex wieħed jaqdi d-doveri tiegħu."
Meta mistoqsi jekk kienx jitfa' n-nomina tiegħu f'din l-elezzjoni li kieku tela' bħala deputat, Zammit Dimech iwieġeb: "Bla dubju kienet tkun sitwazzjoni diffiċli ħafna, però l-probabbiltà hi li fiċ-ċirkustanza kont nagħżel li nservi fil-Parlament ta' Malta."
Din l-elezzjoni każwali ssejħet wara li Comodini Cachia rriżenjat minn Membru Parlamentari Ewropew wara li ġiet eletta fl-Parlament.
Flimkien ma' Francis Zammit Dimech, kien hemm Raymond Bugeja, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Jonathan Shaw u Norman Vella jikkontestaw għal din il-kariga.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment