B'mutur armat bi tliet kaxex u ħames basktijiet, f'Settembru li ġej koppja Maltija se tivvjaġġa mat-30,000 kilometru, jiġifieri qisha se taqsam minn Marsaxlokk għaċ-Ċirkewwa għal 220 darba, biex f'sena minn Malta jaslu l-Awstralja.
Deborah u Daryl, li jsejħu lilhom infushom Wild Feathers, se jgħaddu minn 15-il pajjiż qabel ma jaslu l-Awstralja, fosthom mill-Indja u mill-Kambodja fejn se jieqfu hemmhekk biex jagħmlu xogħol volontarju. Deborah, li ma ssuqx mutur u qatt ma rikbet wieħed qabel ma ltaqgħet ma' Daryl, tispjegalna l-ħidma tagħhom f'dawn il-pajjiżi: "F'kollaborazzjoni mal-NGO Right2Smile, se nkunu qed nagħmlu volontarjat fl-iskejjel tagħhom fl-Indja u l-Kambodja." Il-ħidma min-naħa tagħhom diġà bdiet tant li diġà bdew jiġbru xi flus: "Għal kull €10 li niġbru se nkunu nistgħu nagħtu uniformi lil tifel jew tifla fl-Indja."
![]() |
Daryl fl-iskola primrja ta' San Pawl il-Baħar |
![]() |
Deborah fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar |
Però Deborah tispjegalna li jixtiequ li jduru xi skejjel fil-pajjiżi li se jkunu qed jgħaddu minnhom biex jaraw tfal differenti madwar id-dinja u l-privileġġi li għandhom. Din ix-xewqa diġà qed iwettquha minn hawn Malta: "Fil-fatt bdejna minn hawn Malta, mill-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, fejn konna akkumpanjati minn Gillian tar-Right2Smile li spjegat lit-tfal fuq il-volontarjat u kif anke tal-età tagħhom jistgħu jagħmlu ġid għall-komunità." L-ispirtu avventuruż ta' din il-koppja deher ukoll fiż-żjara li għamlu f'din l-iskola: "Dħalna fis-sala bil-mutur u wara li spjegajna lit-tfal x'se nagħmlu, għednielhom jgħidulna x'għandna nippreparaw u x'għandna nippakkjaw, u r-risposti li ħarġu bihom it-tfal kienu vera bis-sens!"
![]() |
L-istudenti flimkien ma' Deborah u Daryl fl-iskola ta' San Pawl il-Baħar |
Daryl kien ilu jixtieq jagħmel din l-avventura għal erba' snin sħaħ. Deborah tirrakkontalna kif kienet ħassitha meta Daryl semmiehielha l-ewwel darba: "Is-sena l-oħra, ftit wara li ltqajna, Daryl semmieli din l-avventura li xi darba xtaq jagħmel u kien qalli wkoll li f'parti mill-vjaġġ, jixtieq jagħmel xi volontarjat. Meta bdejt naħseb fuq din l-avventura kollha, ma stajtx nieqaf nhewden u l-għada għedtlu li kieku kellu jgħidli nagħmilhiex miegħu, nippakkja u nitlaq! Wara ftit taż-żmien evolvejna din l-idea flimkien u bdejna nippjanaw."
Minkejja ċ-ċokon li għandu mutur, dan ma qatgħax qalb Deborah u Darly li ħasbu għal kollox: "Il-mutur se jkun armat bi tliet kaxex u ħames basktijiet. Minn ħwejjeġ sa anke għodda se nġorru magħna u kollha jridu joqogħdu fihom."
Kif jixhed l-isem tagħhom Wild Feathers, l-avventura se tirrifletti l-ispirtu avventuruż u s-sens liberali ta' Deborah u Daryl.
Filwaqt li wieħed jista' jagħti donazzjoni hawnhekk, wieħed jista' jsegwi l-avventura fuq www.wildfeathersblog.com u fuq www.fb.com/wildfeathersblog.
Filwaqt li wieħed jista' jagħti donazzjoni hawnhekk, wieħed jista' jsegwi l-avventura fuq www.wildfeathersblog.com u fuq www.fb.com/wildfeathersblog.
No comments:
Post a Comment