Fi tmiem il-ġimgħa, miljuni ta' nies sellmu lil Bradley. Bradley sar popolari u seraq il-qlub ta' eluf ta' nies meta kien deher ħiereġ bħala mascot tat-tim ta' Sunderland ma' Jermain Defoe. Defoe kien il-plejer favorit ta' Bradley. Dakinhar, Sunderland kienu lagħbu kontra Everton.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, mijiet ta' nies inġabru fit-toroq biex isellmu lil Bradley, u spikkaw il-flokkijiet u x-xalel bil-kuluri tas-Sunderland u tat-tim Nazzjonali Ingliż, li tant kienu għal qalb Bradley.
Waqt il-funeral, Father Ian Jackson fakkar il-memroja ta Bradley u qal: "L-effett li dan it-tifel ħalla fuq miljuni ta' nies madwar id-dinja huwa inkredibbli."
Bradley miet fl-età ta' 6 snin fis-7 ta' Lulju li għadda, wara li tilef il-battalja ma' kanċer li jisejjaħ neuroblastoma. Lil Bradley sabulu l-kanċer meta kellu biss 18-il xahar.
Għal xi żmien, Bradley kien irnexxielu jfiq, imma f'Lulju tas-sena l-oħra, il-kanċer reġa' ħariġlu u l-ġenituri tiegħu għamlu minn kollox biex jiġbru l-flus ħalli jibagħtuh għall-kura l-Amerka. Imma f'Diċembru li għadda, it-tobba nfurmaw lill-ġenituri tiegħu li l-marda kienet saret terminali u li Bradley ma kellux ċans ifiq.
"Bl-imħabba innoċenti li kellu għal-logħba tal-futbol, Bradley għaqqad lil ħafna nies," qal il-Kappillan. "Kien ta' ispirazzjoni għal ħafna plejers u tefa' dawl ta' tama lil ħafna nies li qegħdin ibatu."
Spiċċa jgħid li Bradley ma kienx biss mascot tat-tim ta' Sunderland biss, iżda kien ukoll ta' kuraġġ għalina kollha u ħalla tbissima ta' mħabba fuq kulħadd.
F'bosta messaġġi fuq is-siti soċjali spikkaw dawk tal-attakkant Ingliż Jermain Defoe li kiteb x'impatt ħalla fuq ħajtu Bradley.
Tim ieħor li fakkar il-memorja ta' Bradley huwa dak ta' Newcastle United. F'partita li kellhom kontra Hearts, is-supporters li kienu preżenti nfaqgħu f'għajta waħda jkantaw "There's only one Bradley," li ġie akkumpanjat miċ-ċapċip ta' dawk preżenti.
Iżda l-isem Bradley Lowery mhux se jkun l-aħħar darba li smajna bih. F'messaġġ li kitbet omm Bradley fuq il-paġna ta' Facebook Bradley Lowery's Fight Against Neuroblastoma, ħabbret li se tiftaħ għaqda li tgħin lil tfal oħra li għandhom din il-marda tal-kanċer.
Kitba: Matthew Vassallo
Ritratti: Sky Sports, The Sun, Dailymail
No comments:
Post a Comment