L-isfida li Xarabank għamel f'kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport intrebħet minn Victor Ellul u miegħu ħa €3000. Victor huwa l-parteċipant li għandu diżabilità f'idejh, u waqt il-programm irrakkonta kif meta kien żgħir fl-iskola kienu jaqfluh ġo kamra tal-imbarazz biex ma jitħallatx mat-tfal l-oħra.
Victor spjega kif id-diżabilità tiegħu ġrat minħabba li meta kienet tqila bih, ommu kienet tieħu xi mediċini li kienu komuni ħafna li jittieħdu min-nisa tqal f'dawk iż-żminijiet. Jidher li dawn il-mediċini kienu qed jikkawżaw xi diżabilitajiet fit-trabi, u Victor kien wieħed minn dawk it-trabi li twieled b'diżabilità. Fil-fatt Victor twieled biż-żewġ idejn b'daqs iqsar min-normal.
Fil-programm Victor irrakkonta kif meta kien għadu żgħir, il-madam tal-iskola kienet taqflu ġo kamra tal-imbarazz meta jasal l-iskola, u terġa' tiftaħlu malli tispiċċa l-ġurnata, ħalli ma jitħallatx mat-tfal l-oħra.
"U kienet tgħidli biex ma ngħidx lil ommi u lil missieri, u jekk ngħidilhom kienet se terġa' taqfilni l-għada," jirrakkonta Victor. "Ġieli kont nagħmel taħti bil-biża', u mbagħad kont immur fejn ommi u tgħajjat miegħi għax taħseb li qed nagħmel taħti bi traskuraġni."
Dawn il-ġrajjiet koroh ġraw madwar 50 sena ilu, meta f'pajjiżna ma kienx hawn kuxjenza dwar il-persuni b'diżabilità u meta l-persuni b'diżabilità kienu jiġu msakkrin ġol-kmamar ta' ġewwa tad-djar u jinħbew kemm jista' jkun mis-soċjetà.
Madanakollu, Victor jgħid li din id-diżabilità qatt ma waqqfitu milli jagħmel l-affarijiet. Meta kiber ħareġ mill-problema li kellu fl-iskola u għamel l-affarijiet kollha li għamlu sħabu kollha. Isuq il-karozza, tgħarras, iżżewweġ, involut sew fil-klabb tal-futbol tal-Hibs tan-nisa, jikteb il-kotba bl-istatistiċi, u jaħdem bħala accountant fil-Ministeru tas-Saħħa.
"Nagħmel kollox bħal ħaddieħor," jgħid Victor bi tbissima. "Qatt ma naf li kien hemm xi ħaġa li ma stajtx nagħmilha minħabba jdejja."
Victor flimkien ma' Christopher Borg, Ryan Calleja, Vanessa Calleja, Deanna Camilleri, Victor Cremona, Lee Julian Dimech, Romina Geriwa, Carmen Les Gros u Manwella Schembri tawna ċ-ċavetta tal-karozza tagħhom għal ġimgħa sħiħa biex matulha jużaw il-karozza tal-linja kull fejn imorru.
Il-parteċipanti kollha rnexxielhom jagħmlu din l-isfida sal-aħħar iżda parteċipant wieħed biss seta' jirbaħ it-€3,000. Ilbieraħ, Victor rebaħ din is-somma wara li kiseb 16.4% tal-voti. Ir-rebbieħ intagħżel bit-televoting.
Matul din il-ġimgħa l-pubbliku seta' jivvota għall-parteċipant favorit tiegħu billi jċempel fuq in-numru abbinat miegħu.
Il-parteċipaw kollha ngħataw kard ta' tal-linja biex jużawha għal xahar kif ukoll USB mingħand il-kumpanija li topera s-servizz tat-trasport pubbliku f'Malta - Il-Malta Public Transport.
No comments:
Post a Comment