best deal

Monday, 24 July 2017

"Tfal li għadhom ma twildux għandhom il-liċenzja garantita u aħna se nibqgħu mingħajrha" - Ħaddiema tax-Xatt


Żewġ ħaddiema tax-xatt jilmentaw magħna li tfal, anke dawk li għadhom ma twildux, se jirtu l-liċenzja mingħand missierhom/ommhom u huma se jibqgħu mingħajrha.


Ma' Xarabank l-ewwel ħaddiem jispjega s-sitwazzjoni li għaddej minnha bħala casual: "Xi għaxar snin ilu l-ħaddiema tax-xatt kienu mgħallqin bix-xogħol. Infetaħ kors ġewwa l-MCAST biex meta jlestuh imbagħad idaħħlu lil dawn l-istudenti jaħdmu x-xatt. Meta rajt li se jkolli xogħol garantit bil-liċenzja, għamilt dan il-kors. Illum il-ġurnata naħdem hemm bħala casual u sippost maż-żmien Transport Malta kellha tagħtini l-liċenzja."

Il-ħaddiem jallega li mhux se jingħata din il-liċenzja u jispjega għala: "Qabel l-2007 il-liċenzja setgħet tintiret. Fl-2007, apparti li kien hemm ħafna xogħol, il-Gvern ra li ma kienx għad fadal lok li din tibqa' tintiret u b'hekk inħoloq il-kors li semmejt qabel." Ir-raġel avviċina lil Xarabank wara li xahrejn ilu saru xi tibdiliet li bihom hemm ċans kbir li din se terġa' tibda tintiret il-liċenzja. "B'dawn it-tibdiliet, it-tfal tal-ħaddiema li għandhom il-liċenzja, anke dawk li lanqas għadhom twieldu, għandhom xogħol garantit għax se jirtu l-liċenzja. U jiena li qgħadt nistudja biex 'il quddiem ningħata l-liċenzja se nibqa' fejn jien." 

Ritratt: Il-Port Ħieles (The Malta Indepedent)
It-tieni ħaddiem huwa part-timer li jispegalna li huwa wieħed minn dawk li jissejħu l-griżi; ħaddiema li jkunu jafu li jridu jidħlu xogħol b'messaġġ li jirċievu dak il-jum stess. "Jiena ma nkunx naf meta se nkun xogħol sakemm nirċievi messaġġ dakinhar stess. Dakinhar nista' nkun għamilt mitt elf pjan għax xorta jkolli nidħol xogħol minn nofsillejl sat-tmienja jew mill-erbgħa sa nofsillejl. Skont kif jgħiduli." 

Il-part-timer jallega li f'każ li jkun ma jiflaħx, huwa obbligat li javża lil Malta Dockers Union sa mhux iktar tard mid-9 ta' filgħodu u jaqralna messaġġ li kien irċieva: "B'effett immedjat is-sick se jkun aċċettat sad-9 ta' filgħodu. Għall-ebda raġuni mhux se jkun aċċettat sick wara d-9:00am. Grazzi tal-kooperazzjoni." Iżid jgħid li b'din is-sistema jekk wieħed ikun ta' billejl u jqum ma jiflaħx waranofsinhar; is-sick ma jiġix aċċettat. 

Minbarra li jallegaw li hemm differenza ta' €75,000 fis-sena bejn ħaddiem liċenzjat u casual; jistqarru li x-xogħol l-ewwel li ma jingħata lil min hu liċenzjat u jekk jifdal jingħata lill-casuals imbagħad lill-part-timers. "Il-ħaddiema li għandhom il-liċenzja jiddeċiedu huma kemm iridu jaħdmu. Jista' jagħti l-każ li ħaddiem bil-liċenzja jiddeċiedi li dakinhar jaħdem 12-il siegħa u jiġu jċempluli u jgħiduli li m'għandix għalfejn nidħol xogħol. Ġieli għamilt jumejn id-dar. Filwaqt li huma jitħanżru, lilna jagħtuna l-biċċa tal-għadma.  Aħna ma nistgħux nitkellmu mal-union għax l-union stess tħaddimna" jistqarr b'rabja l-part-timer.

Jispjegawlna kif hemm qabża kbira wkoll fil-mod kif jiġu ttrattati l-ħaddiema tal-liċenzja, f'kuntrast mal-part-timers u l-casuals. "Jekk membru tas-sigurtà jaqbadni nagħmel xi ħaġa, l-ewwel li ma jistaqsini jekk għandix il-liċenzja. Ġieli ġraw każijiet fejn part-timer jew casual qala' ċitazzjoni fuq ħaġa li ħaddieħor ma kienx jaqlagħha għax ikollu l-liċenzja," jallega l-part-timer. Jallega wkoll li minn 12-il siegħa xogħol, il-brejk ġieli ħadu wara 9 sigħat isuq it-trakk bla waqfien. 

Huma jistqarru li ma jitilqux minn hemm għal raġuni waħda: "Kieku qegħdin ma' kuntrattur privat, kont naqbad u nitlaq imma dan huwa xogħol mal-Gvern. Meta rajna li se jsiru dawn it-tibdiliet, tkellimna mal-Ministru, dak iż-żmien Joe Mizzi, fejn kien wegħedna li se joffrilna pakkett tajjeb, imma kulma kellna nieħdu żieda ta' €0.23c fuq kull kontenitur li xorta bqajna mingħajrha." 

Filwaqt li jappellaw lill-awtoritajiet responsabbli biex iħarsu lejn il-kundizzjonijiet ta' dawn il-ħaddiema, itennu x-xewqa tagħhom biex maż-żmien huma wkoll jingħataw id-dritt li jingħataw il-liċenzja.

Ritratt: One News

1 comment:

  1. Jidispjacini ghal dan lilment Ma xarabank.. li fih nofs verita flargument ta sehbina bghan wiehed li jiprova ihammeg lil haddiema. Lewwel haga mhux vera li hemm 75 000 differenza. Il casuals ghandhom kuntrat definite bil kundizjonijiet kollha u qatt ma kien hemm xi forma ta weda li ser issiru lcenzjati xi darba..il pagi tal casuals huma tajbin bhekk hemm domanda kbira biex jitlu jahdmu bhala casuals. Jekk tfitxu sew kif bdew jahdmu fil freeport il casuls/part timer tkun tista tifhem sew limpjig xjinkludi ezzatt..

    ReplyDelete